Knisja Kultura Lokali

In-nar mill-Knisja tal-Mellieħa mhux se jsir

Appell lill-Arċisqof..."erġa' aħsibha!"

Xahar eżatt qabel lejliet il-festa ta’ Marija Bambina fil-Mellieħa, il-Kurja nfurmat b’mod uffiċjali lill-Għaqda tan-Nar tal-Mellieħa li mhux se tagħti permess biex issir il-wirja piroteknika minn fuq il-knisja – tradizzjoni li kienet ilha issir 13 il-sena.

Din id-deċiżjoni hija finali u torbot għas-snin li ġejjin.

Fi stqarrija, l-Għaqda tan-Nar qalet li hi diżappuntata ħafna b’din id-deċiżjoni “assurda” min-naħa tal-Kurja li, skont huma, ġejja direttament mill-Arcisqof Scicluna u l-Isqof Awziljarju. L-għaqda qalet li sabet appoġġ sħiħ mill-Arċipriet.

L-għaqda qalet li diversi kappillani oġġezzjonaw li tiġi riveduta l-policy sabiex jiġu ndirizzati l-preokkupazzjonijiet ġenwini li kellha l-Kurja dwar il-hruq tan-nar minn fuq il-knejjes. Dawn l-istess kappillani li saħqu li għandhom jiġu rifjutati l-permessi kollha bla eċċezzjoni huma kappillani ta’ parroċċi fejn ma jsirx ħruq ta’ nar minn fuq il-knejjes li tagħhom huma responsabli.

L-Għaqda tan-nar tistenna risposta mingħand l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi għaliex qatt ma saret laqgħa magħha wara li ġew ippreżentati r-rapport u l-proposta li ntalbu mill-istess Awtoritajiet.

Fl-istqarrija sar appell dirett lil Arċisqof ta’ Malta sabiex jerġa jaħsibha, u jsib il-ħin sabiex jiltaqa magħhom “għax madwar mejda jinstabu s-soluzzjonijiet”.

L-Għaqda għalqet b’appell dirett – “tkunux kompliċi sabiex iktar tradizzjonijiet Maltin ikomplu jinqerdu.”