Lokali

Interrogazzjoni Jonathan Ferris: Jibqa’ jissostanzja dak li xehed mal-Maġistrat Bugeja

L-interrogazzjoni damet madwar sagħtejn u nofs

L-eks investigatur tal-FIAU Jonathan Ferris illum kien imsejjaħ mill-Pulizija għal interrogazzjoni b’rabta max-xhieda li ta fl-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-kumpanija Egrant. Akkumpanjat mill-Avukat tiegħu Kris Busietta, Ferris wasal fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija għal-ħabta ta’ nofsinhar, bl-interrogazzjoni tibda madwar kwarta wara.

B’kollox l-interrogazzjoni damet madwar sagħtejn u nofs. F’kumment qasir mal-ġurnalisti, l-Avukat Busietta ikkonferma li Jonathan Ferris issejjaħ sabiex iwieġeb mistoqsijiet dwar ix-xhieda tiegħu fl-inkjesta Egrant. L-Avukat Busietta qal li essenzjalment, Ferris reġa’ issostanzja dak li kien xehed fl-inkjesta.

Mistoqsi jekk hux se jinħarġu xi akkużi mill-Pulizija fil-konfront tal-klijent tiegħu, l-Avukat Busietta ma’ eskludiex dan u qal li din il-mistoqsija għandha ssir lill-Pulizija.