Il-ħidma tal-voluntiera tal-Kolleġġjata tal-Birgu tinsab fil-qofol tagħha din is-sena hekk kif il-Ġirbin qiegħdin jiċċelebraw il-Festa Titulari lil San Lawrenz Levita u Martri propju fl-Għid tal-Patrun tagħhom.
Net News żar lil dawn il-voluntiera waqt li kienu għaddejjin bl-aħħar irqaqat biex il-Knisja tkun kompluta u tidħol fis-solennità ta’ San Lawrenz. Hemm stajna nammiraw ir-rikezzi u l-apparat liturġika tal-Festa li hija mgħonija bihom il-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz.
Karmenu Scicluna, Sagristan tal-Knisja, tkellem magħna dwar kif jiġi ppjanat dan ix-xogħol kollu u jitlesta fil-ħin:
“Mill-bidu ta’ Ġunju nibda infassal il-programm ġurnata b’ġurnata. Issib nies jistgħu jiġu jgħinu filgħodu, waranofsinhar jew filgħaxija. Jiddependi l-iskeda tax-xogħol tagħhom u għalhekk niftiehem magħhom personalment u nqassam ix-xogħol.”
Wara li jibda t-tindif tal-Knisja f’Ġunju, xogħol mhux viżibbli għan-nies, jibda l-armar ta’ diversi apparat bħad-damask, gandlieri tal-Festa, fjuretti u rikezzi oħra. Scicluna elabora aktar dwar 2 teżori partikolari li jintramaw għall-Festa:
“Għandna t-tużell, li b’kollox għandu 32 biċċa. Huwa skolpit fl-injam, ndurat bid-deheb u rrakkmat bid-deheb fuq il-bellus. Imbagħad fuq il-maġġur għandek il-ventartal tal-fidda, xogħol antik ħafna ta’ qabel il-Kavallieri u mmartellat, iġifieri kollu xogħol bl-idejn li ftit issib bħalu llum.”
Apparti l-funzjonijiet liturġiċi fil-Knisja, wara t-Te Deum il-Ħamis filgħodu ħareġ il-marċ ta’ filgħodu tal-Banda San Lawrenz u l-festa ssuktat filgħaxija bit-Translazzjoni u l-ispettaklu pirotekniku fil-Port il-Kbir “La Notte di San Lorenzo”. Il-qofol tal-festa jintlaħaq il-Ġimgħa 10 t’Awwissu bil-Quddiesa Solenni tal-Festa u l-Purċissjoni bil-Vara Titulari ta’ San Lawrenz li se jixxandru live fuq NET Television.
//= $special ?>