Fuq għolja tħares fuq Wied Dalam għall-ħemda tal-pajsaġġ tal-wied u l-ħoss tal-werżieq, sibna l-pirotekniċi tal-Kamra tan-Nar Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq għaddejjin bl-aħħar preparament għall-ispettakli kbar li jdawwlu lis-smewwiet f’Santa Marija.
Marlon Abdilla, responsabbli mill-ispettaklu piro-mużikali The Convoy, tkellem magħna dwar x’hemm imħejji għall-ispettaklu piro-mużikali ta’ Lejlet il-Festa Titulari ta’ Santa Marija, li jibda fl-9.45pm fi Triq Valletta, Ħal Għaxaq:
“Kważi rduppjajna l-ispettaklu din is-sena u għandna ħarqa kbira. Biss biss, l-ispettaklu piro-mużikali fl-aħħar fih xi 35 minuta. Fost l-attrazzjonijiet partikolari, bħas-soltu nagħlqu bil-qsim u l-blalen il-kbar. Żidna ħafna fuqhom din is-sena u qassamniehom matul l-ispettaklu mal-mużika.”
Apparti l-ispettaklu sinkronizzat man-nar, il-Kamra tan-Nar ħejjiet ħarqa tradizzjonali komposta minn diversi settijiet ta’ murtali tal-beraq bl-imsielet, murtali tal-kulur bid-disinnji fiċ-ċentri, murtali kbar bi sfejjer kbar u bebbux idur, blalen u ballun tal-blalen.
Kif jintemm dan l-ispettaklu, id-dilettanti tan-nar l-art ħejjew spettaklu ta’ logħob tan-nar tal-art mekkanizzat. Fost id-diversi bċejjeċ esebiti, tispikka fosthom katina kbira ta’ 150 pied.
Il-qofol tal-Festa Titulari tal-Għaxqin hija l-Purċissjoni bil-Vara Artistika ta’ Santa Marija f’ Jum l-Assunzjoni tagħha, u ma jistax jonqos li d-dilettanti tan-nar iħejju spettaklu ieħor kbir għall-ħruġ tal-Purċissjoni:
“Din is-sena ukoll qed nagħfsu ħafna ukoll fuq il-kaxxa tal-ħruġ, liema kaxxa bdejnieha b’esperiment is-sena l-oħra u damet madwar 25 minuta. Din is-sena erġajna żidna fuqha biex nagħtu spettaklu ieħor ta’ bi nhar.”
Il-Festa Titulari ta’ Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq hija waħda fost is-6 Santa Marijiet f’Malta, u oħra f’Għawdex, li se jiġu ċċelebrati nhar l-Erbgħa 15 t’Awwissu li ġej.
//= $special ?>