Lokali

“Għandhom jittieħdu miżuri li jħarsu s-saħħa taż-żwiemel fix-xhur tas-sajf ” – PN

Ritratt mill-arkivji
Il-maġġoranza tas-sidien ta' dawn iż-żwiemel huma impenjati li jħarsu s-saħħa taż-żwiemel tagħhom u mhux lesti jaħqruhom

L-inċident li fih żiemel ieħor miet minħabba s-sħana għandu jservi sabiex id-dipartment tal-Animal Welfare jara x’jista’ jsir aktar sabiex tiġi mħarsa s-saħħa taż-żwiemel li jġorru l-karozzini u tiġi evitata t-tbatija għaż-żwiemel.

Dan qalu l-Kelliem tal-PN Mario Galea fi stqarrija maħruġa dalgħodu.

Il-PN spjega li l-ġarr tat-turisti bil-karozzini huwa mezz ta’ għajxien għal bosta familji iżda s-saħħa taż-żwiemel għandha tiġi mħarsa.

Fis-sħana tas-sajf wieħed jistenna li id-dipartiment tal-Animal Welfare għandu minnufih jiltaqa’ mas-sidien taż-żwiemel bil-karozzini jew mar-rappreżentanti tagħhom biex jara x’miżuri oħra jistgħu jittieħdu biex filwaqt li dawn is-sidien jibqgħu jaqilgħu l-għajxien tagħhom, dan ma jsirx bi skapitu tas-saħħa u l-ħarsien minn kull tbatija ta’ dawn iż-żwiemel. Il-maġġoranza tas-sidien ta’ dawn iż-żwiemel huma impenjati li jħarsu s-saħħa taż-żwiemel tagħhom u mhux lesti jaħqruhom, sostna l-PN.

Fix-xhur tas-sajf, iż-żwiemel għandhom jiġu protetti f’ċertu ħinijiet fejn is-sħana tkun fl-aqwa tagħha u dan billi jkollhom aċċess aktar mifrux madwar pajjiżna għal tined fejn jiskennu mix-xemx u fejn ikollhom aċċess f’kull ħin għall-ilma frisk. Għandu jiġi aċċertat ukoll it-tgħabija massima li kull żiemel jista’ jġorr tkun infurzata mill-awtoritajiet. Għandhom jiġu kkunsidrati rotot ġodda u ħin minimu stabbilit meta ż-żwiemel jistrieħu speċjalment f’ħinijiet meta x-xemx u s-sħana jkunu fl-aqwa tagħhom.

Permezz ta’ intervent u ftehim mas-sidien ta’ dawn iż-żwiemel id-dipartiment tal-Animal Welfare għandu jaċċerta li s-saħħa u l-ħarsien taż-żwiemel jiġu aċċertati f’kull ħin u b’kull mezz.

Il-miżuri li jiġu miftehma li jħarsu s-saħħa taż-żwiemel għandhom jiġu infurzati u min jinqabad jabbuża għandu jħallas ta’ għemilu.

Il-PN insista illi hu d-dmir u obbligu tad-dipartiment tal-Animal Welfare li jintervjeni minnufih biex bi qbil mas-sidien jaċċerta li ż-żwiemel ma jiġux esposti għal tbatija, moħqrija jew riskju ieħor għas-saħħa. Dan it-tip tax-xogħol jista’ jibqa sostenibbli jekk tiġi mħarsa s-saħħa taż-żwiemel.