Sport Sport Ieħor

GĦAWM: Ferħ u diżappunt għal Ledecky

L-għawwiema Amerikana, Katie Ledecky, għelbet l-isfida ta’ għawwiema adolexxenti promettenti filwaqt li kellha tbaxxi rasha għall-isfida ta’ adolexxenti oħra fl-ewwel jum drammatiku tal-Kampjonati tal-Għawm ‘Pan-Pacific’ li qed isiru f’Tokjo, fil-Ġappun.

Ledecky, li rebħet ħames midalji tad-deheb fl-Olimpjadi, fetħet il-ġurnata bil-kbir b’rebħa komda fuq l-Awstraljana Ariarne Titmus ( ta’ 17-il sena) fil-kompetizzjoni tat-800 metru freestyle, fejn irreġistrat ħin ta’ 8:09:13. L-Awstraljana kienet rebħet tliet midalji tad-deheb fi-Logħob tal-Commonwealth ta’ din is-sena iżda hi ma setgħetx tlaħħaq mal-pass tal-Amerikana, bid-distakk ta’ bejniethom ikun ta’ tmien sekondi.

Intant, Ledecky iddiżappuntat fil-kompetizzjoni tal-200 metru fejn l-għawwiema Kanadiża ta’ 18 il-sena, Taylor Ruck, waqqfet rekord bħala r-rebbieħa eventwali u b’Ledecky tispiċċa t-tielet (b’midalja tal-bronz) wara l-Ġappuniża Rikako Ikee.

Sadanittant, l-għawwiema Amerikana Lilly King għelbet l-isfida qawwija tal-Awstraljana Jessica Hansen biex aċċertat mill-midalja tad-deheb fil-100 meters breaststroke tan-nisa. Hansen, għal darbtejn champion Olimpiku, għandha r-rekord dinji f’idejha u ilha ma titlef avveniment tal-għawm fuq il-100 metru mill-2015.