Mis-sitt delitti li kellna matul din is-sena, sa issa hu biss id-delitt tar-raġel Eġizzjan misjub maqtul f’għalqa f’Għawdex li għadu ma kienx risolt mill-Pulizija.
Bid-delitt ta’ sbieħ nhar il-Ġimgħa filgħodu meta mara Olandiża nstabet b’għonqha mħanxar fi triq f’Santa Venera, l-għadd ta’ omiċidji f’pajjiżna sa issa din is-sena huma sitta.
Qabel id-delitt tal-mara Olandiża pajjiżna kien ixxukkjat bid-delitt doppju taż-żewġ anzjani fil-Għargħur u anki bid-delitt tal-imprenditur Malti Hugo Chetcuti.
Jibqa’ mhux solvut l-ewwel qtil tas-sena, dak li kien seħħ f’Għawdex meta qattiel jew aktar kienu ħanxru għonq raġel Eġizzjan.
Delitt ieħor bejn barranin kien dak ta’ Mejju li għadda meta Libjan kien dabbar xebgħa tajba tant li kien miet xi ġranet wara fl-Isptar Mater Dei. Dwar dan id-delitt tressqu l-Qorti żewġ barranin u kienu akkużati bl-omiċidju tal-Libjan.
Imbagħad kien seħħ, aktar kmieni f’Lulju li għadda, l-attakk fuq l-imprenditur Malti Hugo Chetcuti li miet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei u raġel mis-Serbja kien tressaq il-Qorti akkużat bid-delitt tiegħu.
Sussegwentement aktar tard fl-istess xahar id-delitt doppju taż-żewġ anzjani fil-Għargħur li dwarhom ukoll il-Pulizija ressqet persuna l-Qorti li hi akkużata bl-omiċidju doppju.
JANNAR 2018
L-ewwel delitt għal din is-sena seħħ fis-satra tal-lejl f’għalqa mwarrba fl-Għarb, Għawdex, meta raġel ta’ nazzjonalità Eġizzjana – Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed – kien instab mejjet f’għadira demm wara li qattiel jew aktar kienu ħanxrulu għonqu.
Sa llum il-Pulizija tad-Dipartiment Invesigazzjonijiet Kriminali (DIK) u dik ta’ Għawdex għadhom ma solvewx dan id-delitt u s-suspett hu li dak li qatel lil dan l-Eġizzjan ilu li dabbar rasu minn pajjiżna.
Minkejja li wara d-delitt il-Pulizija kienet tkellmet ma’ xi persuni dwar is-sejba makabra li kienet għamlet, madankollu dejjem kienet ferm ‘il bogħod milli ssolvi dan id-delitt li allura sa llum għadu misteru anki f’termini ta’ motivi.
Dak li hu stabbilit dwar dan id-delitt hu li sa ftit qabel ma nqatel, l-Eġizzjan kien fil-kumpanija ta’ xi persuni barranin oħrajn, possibbilment jew Rumeni jew Bulgari.
Fil-fatt mill-indaġni tal-Pulizija nġabru filmati minn CCTV Cameras li juru lill-vittma jirkeb f’karozza fir-Rabat, Għawdex tard fil-jum tal-Ħadd filgħaxija.
Aktar tard l-istess karozza tidher qed tkun ipparkjata fit-triq prinċipali u minn CCTV Cameras oħra, il-vittma jidher ħiereġ minnha u jidħol f’karozza oħra.
Minn dawn il-filmati Walid Salah Abdel Motaleb Mohammed jidher iqabbad sigarett u jitkellem mas-sewwieq qabel ma saq.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija jirriżulta li din l-istess karozza telqet minn Għawdex u qabdet il-Gozo Channel fl-istess jum li fih seħħ id-delitt.
MEJJU 2018
Mahmoud Elmejdi hu t-tieni vittma ta’ delitt din is-sena. Dan hu Libjan u d-delitt tiegħu seħħ fi Triq il-Kappillan Mifsud fil-Ħamrun wara li dan il-Libjan kien aggredit minn żewġt irġiel.
Kien nhar it-Tnejn, 14 ta’ Mejju li għall-ħabta tad-8.45 a.m. meta l-Pulizija kienet infurmata li f’residenza fi Triq il-Kappillan Mifsud il-Ħamrun kien hemm persuna mitluf minn sensih u kellu anke demm ħiereġ minn ħalqu.
Il-vittma ddaħħal l-Isptar Mater Dei fejn mill-ewwel irrżulta li kien fil-periklu imminenti li jitlef ħajtu. Fil-fatt il-Libjan kellu ġrieħi gravi permezz ta’ daqqiet ta’ oġġett iebes kif ukoll kellu feriti li kienu jidhru li saru permezz ta’ oġġett li jaqta’ u bil-ponta. Hu miet fl-Isptar Mater Dei tlett ijiem wara.
Investigazzjonijiet immedjati mill-Pulizija kienu indikaw żewġt irġiel Libjani oħra bħala l-aggressuri f’dan id-delitt. Huma kienu arrestati u eventwalment tressqu l-Qorti akkużati bil-qtil ta’ Libjan ieħor xi ġranet qabel.
L-akkużati f’dan il-każ huma Ramzi Abdulhafid Abukem u Hamza Kamel Bakoush li kienu akkużati b’sensiela ta’ reati marbuta mal-qtil ta’ Mahmoud Elmejdi fil-Ħamrun.
Fost l-oħrajn iż-żewġ Libjani kienu akkużati wkoll li ftehmu biex iwettqu d-delitt, żammew ir-raġel kontra l-volontà tiegħu, ġarrew sikkina fil-pubbliku mingħajr permess tal-Pulizija, kienu fil-pussess ta’ arma waqt li wettqu delitt u ħsarat fi proprjetà.
Ramzi Abdulhafid Abukem waħdu kienu akkużat ukoll li naqas milli josserva l-kundizzjonijiet tal-bail filwaqt li Hmza Kamel Bakoush kien akkużat li hu riċediv.
Quddiem il-Qorti ż-żewġ akkużati baqgħu siekta u kienet il-Qorti stess li ddikjarat li l-akkużati qed isostnu li mhux ħatja kif tobbligaha il-Liġi.
L-Avukati Arthur Azzopardi u Kathleen Calleja Grima dehru għall-akkużati u ma talbux lill-Qorti għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati.
LULJU 2018
Iseħħ id-delitt tal-imprenditur Malti Hugo Chetcuti hekk kif jingħata żewġ jew tlett daqqiet ta’ sikkina mill-viċin minn raġel mis-Serbja. Dan id-delitt seħħ nhar is-6 ta’ Lulju waqt li Hugo Chetcuti, flimkien ma’ xi ħbieb, kien qed jattendi ikla fl-okkażjoni tal-ftuħ ta’ ristorant ġdid f’Paċeville.
F’mument minnhom waqt li Hugo Chetcuti ħareġ barra biex ipejjep sigarett, avviċinah Serb – Bojan Cmelik – li aggredih b’daqqiet ta’ sikkina. L-agressur ħarab mill-post tad-delitt filwaqt li ħalla lill-imprenditur Malti mal-art f’għadira demm.
Hu ddaħħal l-Isptar Mater Dei tard il-Ġimgħa filgħaxija, preċiżament fit-Taqsima tal-Kura Intensiva u kien operat minnufih minħabba l-ġrieħi gravi ħafna li kellu.
Sadattant il-Pulizija ftit tal-ħin wara rnexxielha tarresta lir-raġel Serb li eventwalment tressaq il-Qorti akkużat bl-omiċidju tal-Malti.
Il-Pulizija, għalkemm diġà ressqet lir-raġel mis-Serbja l-Qorti u qed takkużah bid-delitt volontarju ta’ Hugo Chetcuti, għadha qed taħdem dwar dan id-delitt biex tassigura li warajh ma hemmx xi id moħbija. Dan kien delitt deskritt bħala qtil stil Serb-Mafjuż.
Sadattant Hugo Chetcuti tilef il-ġlieda għal ħajtu kaġun ta’infezzjonijiet u kumplikazzjonijiet li nqalgħu wara t-tieni operazzjoni li saritlu fl-isptar Mater Dei.
L-aħbar ħasdet lil kulħadd, xterdet immedjatament, b’bosta jibqgħu ixxukkjati għall-fatt li sa ftit ħin qabel l-aħbarijiet dwaru kienu jgħidu li kien f’kundizzjoni stabbli u li kien qed jaqleb għall-aħjar.
Madanakollu wara li ġie operat minnufih fil-lejl meta kien aggredit wara li kien ġarrab daqqiet b’sikkina, eventwalment kellu jerġa’ jiġi operat xi jiem wara minħabba kumplikazzjonijiet li nqalgħu.
Saħħet Hugo Chetcuti kienet marret lura minħabba infezzjonijiet li żviluppaw waqt il-kura li kien qed jingħata.
LULJU 2018
Antonia Micallef ta’ 71 sena u Maria Carmela Fenech ta’ 74 sena huma r-raba’ u l-ħames delitti għal din is-sena. Huma nqatlu f’delitt doppju nhar it-Tnejn li għadda fid-dar tagħhom fil-Għargħur. B’rabta ma’ dan id-delitt doppju, il-Pulizija ressqet il-Qorti lil Kevin Micallef, it-tifel ta’ Antonio Micallef, u akkużati bil-qtil volontarju taż-żewġ anzjani.
Kollox jindika li dan id-delitt doppju immatura wara li Kevin Micallef daħħalha f’rasu li z-zija tiegħu kienet qed tħallatlu l-kalmanti mal-kafè tiegħu waqt il-kolazzjoni ta’ filgħodu.
Dak li ġara nhar it-Tnejn li għadda kien wara li Kevin Micallef allegatament sema’ lil zitu tgħid lil ommu: “Tgħid induna?” u hu mar dritt għaliha u nfexx jagħtiha bis-sikkina f’għonqha u f’sidirha.
Ommu intervjeniet biex tifridhom, iżda spiċċat vittma hi wkoll għaliex qalgħet numru ta’ daqqiet hi wkoll u spiċċat mietet ftit tal-ħin wara fl-Isptar Mater Dei.
Kevin Micallef tressaq il-Qorti u għalkemm wieġeb li ma kienx ħati tad-delitti li għamel, baqa’ jinżamm arrestat.
AWWISSU 2018
Is-sitt delitt tas-sena kien dak tal-mara Olandiża ta’ tletin sena – Shannon Mak – li nstabet b’għonqha mħanxar u mormija fi Triq il-Mastrudaxxa f’Santa Venera nhar il-Ġimgħa li għadda.
Dan kien delitt li kexkex lil kulħadd u li għall-bidu tiegħu deher li se jkun wieħed diffiċli ħafna għall-Pulizija biex isolvuh, iżda numru ta’ fatturi importanti għenu lill-Pulizija biex tistabbilixxi li l-moħħ wara dan id-delitt ta’ għira ta’ mħabba jew passjoni ta’ mħabba ma kien ħadd għajr l-eks sieħeb tal-istess Olandiża.
Ir-raġel Olandiż, li jaħdem fl-industrija tal-iGaming f’Malta kellu relazzjoni ma’ din il-mara sakemm din ir-relazzjoni dehret li qed tmajna u fil-fatt sfaxxat fix-xejn. Ir-raġel Olandiż ma riedx jaċċetta dan il-fatt u ħalla l-emozzjonijiet tiegħu jiġru bih sal-punt li fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa tal-ġimgħa l-oħra qatel lill-eks sieħba tiegħu b’daqqa fatali ta’ sikkina f’għonqha.
Ir-raġel kien arrestat ftit tal-ħin wara s-sejba ta’ din il-mara u ma damx wisq ma ammetta kollox mal-Pulizija li mbagħad fasslu numru ta’ akkużi u darba l-għada ressquh il-Qorti, allura akkużawh bl-omiċidju volontarju tal-mara Olandiża.
Dan kien delitt li ngħata importanza wkoll fil-media internazzjonali, b’mod partikulari fl-Olanda fejn kemm-il ġurnali kif ukoll l-istazzjonijiet televiżivi wasslu rapporti estensivi dwar kif mara Olandiża kienet inqatlet mill-eks sieħeb tagħha li hu Olandiż ukoll.
//= $special ?>