Fadal ftit tal-ħin sakemm jingħalaq is-suq tat-trasferimenti għall-klabbs tal-futbol fir-Renju Unit….Dawn huma wħud mill-t-trasferimenti konkluzi, b’xi diżappunt jew tnejn ma jonqsux:
Leicester City iffirmaw lid-difensur Kroat, Filip Benkovic, mingħand Dinamo Zagreb fuq kuntratt ta’ ħames snin. Il-Foxes ma żvelawx dettalji dwar it-trasferiment iżda l-istampa qed tindika li Benkovic sewa lill-klabb Ingliż mat-13-il miljun Sterlina. Filip Benkovic, li hu internazzjonali ta’ taħt il-21 sena, ġej minn staġun mill-aqwa ma’ Zagreb fejn lagħab 30 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha waqt li kien pedina importanti fir-rebħ tal-kampjonat (minn Zagreb) għall-istaġun 2017-18.
Kollox qed jindika li d-difensur Ingliż Harry Maguire se jibqa’ plejer ta’ Leicester City għall-istaġun li ġej. Dan wara li l-manager ta’ Leicester, Claude Puel, wissa lil Manchester United li ‘kienu qed jittamaw għalxejn’ li jiksbu l-firma ta’ Maguire eżatt qabel l-għeluq tat-tieqa għat-trasferimenti fir-Renju Unit. Is-sinjali kienu li Man Utd kienu qed iħejju tentattiv tal-aħħar biex jiksbu s-servizzi ta’ Maguire u meta huma kienu lesti biex jagħmlu offerta rekord għal difensur.
L-attakkant Spanjol, Lucas Perez, iffirma kuntratt ta’ tliet snin ma’ West Ham United, wara li l-klabb tal-Premiership Ingliż, laħaq ftehim ma’ Arsenal. Perez, li għandu 29 sena u li fl-istaġun li għadda, kien misluf lil Deportivo La Coruna, hu s-seba’ plejer li ngħaqad ma’ West Ham dan is-sajf. Id-dettalji ftat-trasferiment ma kenux żvelati iżda sorsi qrib il-klabb qalu li s-somma involuta hi madwar erba’ miljun Sterlina.
Skont l-aħħar aġġornamenti, Huddersfield Town ingaġġaw lill-attakkant Isaac Mbenza mingħand il-klabb Franċiż Montpellier li se jingħaqad magħhom b’self għal sena.
Il-plejer internazzjonali tal-Kamerun, Andre-Frank Zambgo Anguissa, ingħaqad ma’ Fulham minn ma’ Marsilja għal 27 miljun Sterlina.
Intant, Everton għamlu numru ta’ akkwisti importanti fl-aħħar sigħat biex għalqu bil-kbir l-aħħar jum tat-trasferimenti…. It-Toffees kisbu lill-plejer internazzjonali Brażiljan, Bernard (li kien spiċċalu l-kuntratt ma Shakhtar Donetsk) fuq kuntratt ta’ erba’ snin u ftit wara huma ikkonkludew ftehim ma’ Barċellona għas-servizzi tad-difensur Kolombjan, Yerry Mina. Skont ir-rapporti, Mina, li skorja tliet gowls għal pajjiżu waqt il-logħob tat-Tazza tad-Dinja fir-Russja, se jiswa lil Everton aktar minn 30 miljun ewro, bil-klabb ta’ Merseyside jintrabat biex jagħmel pagament ieħor lill-klabb Katalan f’każ li Mina jilħaq ċerti tragwardi ….Ftit tal-ħin ilu kien ikkonfermat ukoll li Everton akkwistaw lil Andre Gomes b’self mingħand Barċellona. Dan wara li Gomes kien issieħeb mal-klabb Katalan mingħand Valencia, xi sentejn ilu.
//= $special ?>