Lokali

RITRATT: Tifla ta’ 6 snin feruta flimkien ma’ żewġ nisa oħra, f’ħabta ma’ trakk

Trakk tal-ġebel u karozza ħabtu fit-Telgħa t'Alla u Ommu - bit-tifla u żewġ nisa kellhom jittieħdu l-isptar

Tifla ta’ 6 snin hi fost tliet persuni li sofrew feriti gravi wara li kienu nvoluti f’ħabta. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-5.50 ta’ waranofsinhar fi Triq Margaret Murray, magħrufa aktar bħala t-Telgħa t’Alla u Ommu.

Skont informazzjoni li waslet għand NET News, jidher li t-trakk tal-ġebel tat-tip DAF misjuq minn raġel ta’ 55 sena mill-Fgura, u karozza Alfa Romeo Giulietta misjuqa minn raġel ta’ 36 sena mill-Mosta ħabtu għal xi raġuni. B’kawża tal-impatt, jidher li t-trakk ma ġratlu l-ebda ħsara estensiva, filwaqt li l-Alfa Romeo sofriet ħsara kbira fil-parti ta’ quddiem tal-karozza – dan minbarra l-feriment tat-tliet passiġġieri li kienu ġol-karozza.

It-tliet vittmi tal-inċident, li kollha huma mill-Belarus, huma żewġ nisa ta’ 26 sena u 27 sena, kif ukoll it-tifla ta’ 6 snin. It-tliet persuni ttieħdu l-Isptar għall-kura, fejn kienu kollha ċċertifikati li qed isofru minn feriti gravi. Min-naħa l-oħra, ix-xufiera taż-żewġ vetturi ma weġġgħux.

Fuq il-post fejn seħħ l-inċident, waslu numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili. It-triq tat-Telgħa t’Alla u Ommu ngħalqet għal xi ħin.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.