Futbol Sport

Shearer jemmen li Man Utd se jisfidaw xorta għat-titlu

Alan Shearer, l-eks attakkant ta’ Newcastle United u l-Ingilterra, jemmen li Manchester United se jkunu ‘xorta’ b’saħħithom ħafna fl-istaġun li ġej u li huma – flimkien ma’ Liverpool – se joffru sfida ħafna aktar qawwija liċ-champions Ingliżi, Manchester City.

Shearer qal li minkejja l-fatt li United jinsabu taħt sħaba ta’ inċertezza — fost l-ilmenti tal-manager, Jose Mourinho, dwar nuqqas ta’ impenn mill-klabb biex iġib il-plejers li jrid hu – ‘wieħed jiżbalja bl-ikrah jekk iwarrab il-potenzjal tat-tim biex jisfida għat-titlu’.

Il-kummenti ta’ Shearer ħarġu ftit qabel l-għeluq tas-suq għat-trasferimenti fl-Ingilterra, bl-eksattakkant ta’ Newcastle jaċċenna wkoll għall-fatt li Mourinho jinsab taħt pressjoni kbira biex jikseb ir-riżultati fit-tielet sena tiegħu bħala manager ta’ United.

Mindu Mourinho ħa r-riedni tal-klabb, Manchester United investew il-flus kbar fi plejers ta’ kwalità u Shearer sostna li l-manager Portugiż issa jeħtieġ jisfrutta l-aħjar elementi tat-tim waqt li jaddotta l-istil avventuruż li jridu jaraw il-partitarji f’Old Trafford.

Meta tkellem dwar Liverpool, li tilfu l-finali taċ-Champions League kontra Real Madrid, Shearer qal li r-Reds kienu attivi ferm fis-suq tat-trasferimenti u xtraw bil-għaqal fit-tentattiv biex jiksbu l-ewwel unur kemm ilhom taħt il-manager Ġermaniż, Jurgen Klopp.