Sport Sport Ieħor

TENNIS: TAZZA ROGERS — Rebħa faċli għal Nadal fuq Paire

It-tennista Rafael Nadal kellu jdum aktar milli mistenni biex jibbukkja postu fit-tielet rawnd tat-Tazza Rogers iżda l-istennija kienet aktar dovuta għax-xita milli għar-reżistenza tal-Franċiż, Benoit Paire, li tilef f’żewġ setts, 2-6, 3-6, kontra l-Ispanjol li hu l-ewwel fir-rankings tad-dinja.

Il-konfront kellu jibda aktar minn siegħa wara ż-żmien programmat, iżda Nadal xorta waħda aċċerta mir-rebħa wara biss 74 minuta. Nadal kien kmand assolut fiż-żewġ sets u Paire ma kellux tweġiba għad-drop shots u l-istrateġija impekkabbli tal-Ispanjol għal fuq il-hard court.

Kien biss fl-aħħar tat-tieni sett li Paire beda juri reżistenza effettiva, bi plejer jieħu vantaġġ fuq l-ieħor fost il-breaks f’sitt logħbiet konsekuttivi u sakemm Paire żbalja l-aħħar ballun fuq is-service veloċi tal-Ispanjol.

Wara l-logħba, Nadal ammetta mal-ġurnalisti li ‘ma kienx qed iħossu mija-fil-mija f’sikktu’ iżda hu qed jittama li jirkupra l-aħjar forma għall-fażi finali tal-kompetizzjoni. Nadal, issa, se jiffaċċja lil Stan Wawrinka fir-rawnd tas-sittax wara li t-tennista Żvizzeru għeleb lill-Ungeriż, Marton Fucsovics, 1-6, 7-6 (2), 7-6 (10).

Aktar qabel, l-eks numru wieħed tad-dinja, Novak Djkokovic, żamm ħaj it-tamiet għall-ħames titlu tat-Tazza Rogers, b’rebħa, 6-3.6-4 fuq il-wildcard Kanadiż, Peter Polansky.

Djkokovic, li qed jikkompeti fl-ewwel tournament mir-rebħa tax-xahar li għadda, f’Wimbledon, rebaħ 83 fil-mija tal-ewwel service points kontra Polansky u fejn għalaq kull diskors qabel il-programm tal-logħob waqa lura b’kaġun tal-maltemp.

It-tennista Serb, li hu s-seed numru disa’, issa jrid jikkonfronta liż-żgħażugħ Grieg, Stefanos Tsitsipas fir-rawnd tal-aħħar sittax. Dan wara li Tsitsipas għeleb, b’sorpiża, lis-seed numru seba’ Dominic Thiem, 6-3, 7-6 (6).

Rebħa għal Djkokovic għandha twitti t-triq għal konfront mal-Ġermaniż, Alexander Zverev, li hu t-tieni fir-rankings tad-dinja, fil-kwarti-finali tat-Tazza Rogers. Dan wara li Zverev avvanza għat-tielet rawnd b’rebħa, 6-4,6-4, fuq Bradley Klahn.

Għaddew ukoll għat-tielet rawnd tal-kompetizzjoni Kevin Anderson, li kien ir-runner-up ta’ Wimbledon; Grigor Dimitrov, li hu s-seed numru ħamsa; Marin Cilic, li hu s-seed numru sitta; John Isner, li hu s-seed numru tmienja; l-Olandiż Robin Haase u r-Russu Karen Khachanov.