Lokali Qorti

WARA 7 XHUR MILL-KAŻ: Jingħataw il-ħelsien mill-arrest

Jingħataw ħelsien mill-arrest it-3 akkużati fil-każ tal-bomba li ma ħaditx fil-Fgura

It-tliet irġiel akkużati bil-każ tal-bomba li ma ħaditx fil-Fgura ngħataw il-ħelsien mill-arrest. Dan wara d-digriet mogħti llum mill-Qorti.

L-Imħallef Antonio Mizzi ordna li t-tliet irġiel jingħataw il-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €70,000 u depożitu ta’ €30,000 kull wieħed, filwaqt li jridu jiffirmaw l-għassa kuljum u jistgħu joħorġu mid-dar biss bejn is-6am u d-9pm.

Paul Farrugia, Jonathan Farrugia, u Lorenzo Callus ma kienux ammettew l-akkużati miġjuba kontriehom li ħadmu flimkien bil-ħsieb li joqtlu lil Mario Scicluna u lil Elaine Galdes. Dan l-att allegatament sar permezz ta’ bomba li tpoġġiet mal-karozza ta’ Scicluna fil-Fgura fl-4 ta’ Jannar li għadda, liema bomba ma ħaditx.

Dakinhar, Net News kien xandar il-filmati esklussivi tal-ħidma metikoluża li kienet ġiet kordinata mill-AFM fil-post fejn tpoġġiet il-bomba.

It-tlett irġiel qed jiffaċċjaw ukoll akkużi seperatament li jvarjaw minn pussess ta’ arma tan-nar, u droga ħaxixa u eroina.