Lokali

L-Avukati ta’ Jonathan Ferris igiddbu stqarrija tal-Korp tal-Pulizija

L-Avukati tal-eks uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris giddbu stqarrija maħruġa mill-Korp tal-Pulizija – dan hekk kif  l-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta ppubblikaw il-mandat ta’ arrest li l-Pulizija kienu ppreparaw għal Ferris. Huma għamlu dan wara li l-Korp tal-Pulizija ddikjara li ma kien hemm l-ebda theddida ta’ arrest fil-konfront tiegħu.

Wara rapporti fil-media, fi stqarrija, il-Korp spjega li t-Tlieta li għadda Ferris issejjaħ biex imur fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex ikun parti mill-investigazzjonijiet li bħalissa qed jitmexxew mill-Korp. Ferris intalab biex ikun akkumpanjat minn Avukat. Madankollu, meta ngħata d-data u l-ħin, l-eks Investigatur tal-FIAU wieġeb li l-Avukat tiegħu jinsab imsiefer.

Il-Korp kompla jispjega kif meta ngħata l-opportunità ta’ Avukat ieħor jew appuntament ġdid, Ferris innifsu wieġeb li jekk il-kwistjoni kienet daqshekk mgħaġġla, għandu jinħareġ mandat ta’ arrest. Dan kollu, skont l-istqarrija, ingħad f’madwar ħames telefonati, li erbgħa minnhom saru minn Ferris lill-Pulizija u li jinsabu kollha rrekordjati.

Il-Korp spjega li skont il-Kodiċi Kriminali, mandat ta’ arrest jista’ jinħareġ wara talba li ssir lil Maġistrat f’każ li jkun hemm biżżejjed raġunijiet skont il-Liġi. Għaldaqstant, dan il-pass ma jistax qatt jitqies daqslikieku hu xi theddida.

Iżda għall-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta, li qed jiddefendu lil Jonathan Ferris, din l-istqarrija tal-Pulizija hi malizzjuża, nieqsa mill-verità u qarrieqa. F’ismu u f’isem Busietta, Jason Azzopardi qal li minkejja ċ-ċaħda tal-Korp, dokumenti juru mod ieħor.

Dan hekk kif, fuq Facebook, hu ppubblika dak li jidher li hu l-mandat ta’ arrest mitlub mill-Pulizija u maħruġ mill-Maġistrat tal-għassa. Bih, il-Pulizija kienu qed jingħataw l-awtorizzazzjoni li jżommu b’arrest lil Jonathan Ferris dwar “ir-reat ta’ ġurament falz, kif jirriżulta mill-Inkesta dwar l-Egrant”.

Dan, skont l-Avukati Azzopardi u Busietta, juri t-talba li attwalment saret mill-Pulizija 48 siegħa qabel ma Jonathan Ferris intalab biex imur jagħti x-xhieda tiegħu. Huma appellaw lill-Korp biex ma jkomplux jinħarġu stqarrijiet foloz biex tipprova titgħatta kwalunkwe aġendi moħbija li jista’ jkun hemm.