Futbol Sport

EWROPA LEAGUE: Kundannat aġir vjolenti kontra assistent referi

Id-diriġenti ta’ Sturm Graz ikkundannaw l-aġir ‘deplorevoli’ ta’ partitarju li waddab tazza kbira tal-plastik mimlija bix-xorb lejn assistent-referi u qasamlu rasu, waqt li kienet għaddejja l-ewwel leg tal-logħba ta’ kwalifikazzjoni tal-Ewropa League bejn il-klabb Awstrijak u AEK Larnaca ta’ Ċipru.

L-inċident seħħ fil-lejl tal-Ħamis fil-grawnd ta’ Sturm Graz u l-filmati tat-televiżjoni juru biċ-ċar lill-partitarju Awstrijak qed iqum mis-siġġu u jimmira ‘oġġett’ lejn l-uffiċjal.

Intant, l-entità Ref Support sostniet li l-logħba messha kienet abbandunata wara dan l-att vjolenti u li d-deċiżjoni tal-UEFA biex il-logħba tkompli għandha titqies bħala opportunità mitlufa biex jintwera l-appoġġ dovut lill-uffiċjali li qed jikkontrollaw dawn il-logħob.

Ir-rappreżentanti ta’ Sturm Graz qalu li l-partitarju kien identifikat u arrestat, u li huma kienu qed jikkunsidraw l-aħjar azzjoni li jieħdu fiċ-ċirkustanzi.

Stqarrija speċifika, intant, esprimet dispjaċir għall-inċident ‘li jaffettwa ħażin ir-reputazzjoni tal-futbol u r-reputazzjoni ta’ Sturm Graz bħala klabb’.

Il-logħba bejn Sturm Graz u AEK Larnaca twaqqfet fis-77 minuta wara li l-assistent-referi Żvediż, Fredrik Klyver, intlaqat mill-oġġett, bir-riżultat li kellu jingħata trattament għall-ferita f’rasu. Klyver spiċċa b’rasu infaxxata u– wara waqfien ta’ 24 minuta – spiċċa sostitwit mir-raba’ uffiċjal, Magnus Lindgren, bil-logħba tkompli. Il-konfront intrebaħ minn AEK Larnaca bl-iskor ta’ 2-0.