Bil-Konsagrazzjoni ta’ Artal ġdid, in-Nisrani jkun qed jimpenja ruħu li jsaħħaħ l-għaqda tiegħu ma’ Alla, skont dak li jkun irid minna Ġesù. Fuq kollox, dan m’għandux ikun biss Artal tas-Sagrifiċċju, iżda l-Mejda tal-Aħwa, fejn kulħadd jinġabar madwar l-istess Missier.
Appell dirett lejn kull Nisrani mill-Kap tal-Knisja f’Malta, l-Arċisqof Monsinjur Charles Scicluna, waqt Quddiesa Solenni li matulha saru t-Tberik u l-Konsagrazzjoni tal-Artal il-ġdid li qed jiżżanżan fil-Knisja tal-Mosta, li fil-jiem li għaddew għadha kif iċċelebrat ukoll it-titlu ta’ Bażilika Minuri.
Fir-Rotunda, mimlija bin-nies u taħt għajnejn l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, l-Arċisqof Scicluna fakkar kif matul il-missjoni tiegħu fuq din l-art, Ġesù Kristu nnifsu laqa’ fi ħdanu u ħabbeb lill-midinbin ma’ Alla fuq l-Artal tiegħu. Preżenti wkoll l-Arċipriet Dun Bastjan Caruana, il-Kleru Mosti u għadd ta’ Saċerdoti Mostin jew li servew f’din il-Knisja.
Monsinjur Scicluna fakkar li dak li jemmen jaf li l-Artal jirrappreżenta lil Ġesù nnifsu, filwaqt li t-Tempju jirrappreżenta l-Ġisem tiegħu. Fakkar fir-rabja ta’ Ġesù meta nduna li t-Tempju ta’ Alla kien qed jintuża’ għal suq tal-kummerċ, filwaqt li appella lin-Nisrani biex ma jagħmilx l-istess żball li għamlu n-nies ta’ żmien Ġesù.
Il-Kap tal-Knisja f’Malta qal li l-Artal għandu jfakkarna fiċ-ċelebrazzjoni tal-Aħħar Ikla tal-Mulej, filwaqt li appella li anke llum, in-Nisrani għandu jħares lejn l-Artal u jixxennaq għal dak l-avveniment, li llum jitfakkar fit-tqassim tal-Ewkaristija.
Filwaqt li, f’isem il-Knisja, irringrazzja lil dawk kollha involuti biex dan l-Artal seta’ jasal fil-qalba tal-komunità Mostija bħala sinjal ukoll tal-ġenerożità u l-imħabba tal-Mostin, l-Arċisqof qal li mil-lum ‘il hemm, dan l-Artal se jkun ta’ Alla biss bħalma anke aħna, aħna tal-Mulej biss.
Sadanittant, iċ-ċelebrazzjoni tal-Konsagrazzjoni bdiet bit-Tberik tal-Altar, l-Ambone u s-Sedja, filwaqt li aktar tard, l-Arċisqof ikkonsagra l-Altar biż-Żejt Imqaddes u wara li sezzjoni mill-poplu Mosti ppreżentaw l-offerti, dan tlibbes biex fuqu jkun jista’ jsir il-Misteru tal-Ewkaristija.
Kienu ppreżentati wkoll biċċiet mill-Umbrellun biex jitfakkar il-mument li r-Rotunda ġiet inkurunata bħala Bażilika Minuri u anke l-pjanti li fuqhom inħadem dan l-Altar ġdid. Saret ukoll proċessjoni qasira bir-Relikwa b’qima lejn il-Madonna, li fil-jiem li ġejjin se tkun imfakkra l-Festa ta’ Santa Marija, anke fil-Mosta stess.
U fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, is-Sindku tal-Mosta Keith Cassar ippreżenta Ġieħ il-Mosta lil Monsinjur Arċisqof b’ringrazzjament għall-impenn tiegħu biex il-Knisja Mostija issa setgħet tingħata t-titlu ta’ Bażilika Minuri mill-Papa Franġisku.
//= $special ?>