Erba’ nisa barranin – tliet Ukreni u waħda mill-Moldova – wieġbu li huma ħatja għall-akkuża li ħadmu bħala prostituti fi tliet stabbilimenti li kienu rreġistrati bħala ‘massage parlours’. In-nisa, ta’ 26, 28, 29 u 41 sena, ingħataw sentenza sospiża ta’ priġunerija, filwaqt li ġew deportati lejn pajjiżhom.
Waqt xhieda fil-kawża kontra Fayton Falzon, ta’ 30 sena u li huma ddeskrivew bħala “il-Boss” għax imexxi t-tliet stabbilimenti, in-nisa ddeskrivew kif kien ikollhom bejn ħames u 12-il klijent sesswali kuljum, b’Falzon kien isegwi kollox minn fuq ‘cameras’ tas-sigurtà li għandu fl-istebbilimenti.
L-istabbilimenti, f’Tal-Pietà, f’Santa Venera u f’Birkirkara, kienu ilhom jiġu segwiti mill-Pulizija biex setgħu jsiru l-arresti. Fil-Qorti ġie stabbilit li n-nisa kienu jitħaddmu f’shifts ta’ 13-il siegħa kuljum, bejn id-9am u l-10pm.
In-nisa spjegaw kif kull klijent sesswali kien iħallas €50, bil-flus kienu jinqasmu bin-nofs bejn in-nisa u Falzon. Iżda minbarra l-flus mill-prostituzzjoni, in-nisa kien ikollhom iħallsuh ukoll €20 oħra għall-ikel, ‘wet wipes’ u l-kontraċettivi, li kienu jipprovdilhom ta’ kuljum.
Fi tmiem il-ġurnata xogħol, Falzon kien iwassal lin-nisa hu stess lejn darhom, b’uħud minnhom kienu joqgħodu f’appartament tal-akkużat u oħrajn joqgħodu f’post viċin. Ħames mara, li wkoll tressqet bħala xhud, wieġbet li ma kinitx taf fejn toqgħod għax kienet titwassal minn post għall-ieħor.
Din spjegat kif l-impjieg ma’ Falzon ma kienx l-ewwel wieħed għaliha bħala prostituta f’pajjiżna. F’dan il-każ, spjegat li twassalet Malta wara titjira mħallsa mill-akkużat stess, bl-erbgħa l-oħra qalu li ħallsu huma stess għall-biljett.
Il-Qorti, immexxija mill-Maġistrat Claire Micallef Stafrace, tat sentenza ta’ sena priġunerija sospiża għal sentejn, filwaqt li ġew deportati lejn pajjiżhom wara li ammettew l-akkużi u kkoperaw fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Min-naħa tiegħu, Fayton Falzon ingħata l-libertà proviżorja b’depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €10,000. Madankollu, ingħad li din ma kinitx l-ewwel darba li fis-snin riċenti, hu ngħata sentenza sospiża għal akkużi simili.
//= $special ?>