Lokali

Il-futur tal-bastiment Hephaestus għadu inċert

Il-bastiment issa se jittieħed lejn it-tarzna ta’ Cassar fil-Marsa

Fil-jiem li ġejjin il-vapur li fl-10 ta’ Frar li għadda kien inkalja fil-Qawra, fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Fra Ben, mistenni jitneħħa mill-post.

Fl-aħħar sigħat beda l-proċess biex dan il-vapur jitneħħa miż-żona, għalkemm Net News jinsab infurmat li kien hemm xi diffikultajiet li mistennija jiġu megħluba hekk kif ikompli dan il-proċess matul dawn il-jiem.

Il-baħar qawwi fil-jum tal-festa ta’ San Pawl Nawfragu kien wassal biex il-vapur tal-bunkering reġistrat it-Togo u li kien marbut qrib is-Sikka l-Bajda nqata’ mill-irbit tiegħu u nġarr lejn ix-xatt fejn inkalja max-xatt tal-Qawra.

Abbord il-vapur kien hemm seba’ baħrin li mallu dan il-bastiment ħabat mal-blat qabżu l-baħar u telgħu x-xatt. Fost l-ewwel li taw l-assistenza kien hemm il-membri tas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar li marru fil-post b’erba’ vetturi u l-ekwipaġġ biex ipprovdew ħwejjeġ u kutri lil seba’ persuni li kienu abbord.
Waqt li l-kaptan sofra ġrieħi ħfief fi spalltu, fortunatament ħadd mis-sitt baħrin l-oħra li kienu abbord ma sofrew xi ġrieħi, għalkemm wara l-inċident sar magħruf li dawn kien ilhom xhur ma jitħallsu.
Matul l-aħħar xhur saret ukoll ħidma biex ikun żgurat li ma jkunx hemm tniġġis tal-bajja, hekk kif il-bastiment kien fih madwar 4 metri kubi ta’ fjuwil.

Il-proċess biex il-bastiment jinqala’ mill-post fejn qiegħed ġie fdat f’idejn Cassar Marine Group.
Net News jinsab infurmat li l-bastiment issa se jittieħed lejn it-tarzna ta’ Cassar, fil-Marsa, fejn jiġi ċċekkjat mill-ġdid minħabba l-ħsara fil-qiegħ tiegħu.

Wara li jsir dan il-proċess imbagħad, il-bastiment se jinżamm f’din it-tarzna, b’mod sikur, sakemm jitlestew il-proċessi li għaddejjin dwaru, b’mod speċjali dak b’rabta mal-assikurazzjoni.
Ikun hawn li imbagħad jingħataw struzzjonijiet dwar x’se jkun il-futur tal-bastiment.