Tottenham Hotspur dan is-sajf sar l-ewwel klabb fl-istorja tal-Premier Ingliż li ma xtara l-ebda plejer fit-transfer window mindu dan il-perjodu speċifiku għat-trasferimenti kien stabbilit fl-2003.
Madankollu, il-manager ta’ Spurs, Mauricio Pochettino, qed jiddefendi l-ħsieb tal-amministraturi fejn sostna li l-klabb ‘laħaq l-għanijiet tiegħu’ minbarra li rnexxielu jaċċerta mis-servizzi tal-aħjar plejer, Harry Kane, li l-futur tiegħu, sa ftit ilu, kien qed iqanqal mhux ftit tal-ispekulazzjoni.
Harry Kane, dan is-sajf, iffirma kuntratt ġdid fit-tul ma’ Tottenham u Pochettino sostna li ‘jinsab ferħan ħafna’ bis-sitwazzjoni tal-klabb li, għada, jiftaħ l-impenji tal-Premiership kontra Newcastle United. Il-manager Arġentin qal ukoll li Tottenham għandhom skwadra ta’ plejers tajba ħafna u li mhix faċli għall-klabb li jibqa’ iżid il-livell ta’ kwalità.
Skont Pocchettino, ‘il-miri ta’ Tottenham huma dejjem fuq l-istess livell ta’ klabbs bħal Real Madrid, Manchester United u Manchester City, iżda f’diversi każi, iċ-ċirkustanzi ma jkunux jippermettu li jintlaħqu t-tragwardi.’.
Iżda l-fatt li Tottenham ma għamlux ħoss fis-suq tat-trasferimenti jidher li ħasseb sew lill-partitarji tal-klabb.
Dan waqt li t-Tottenham Supporters’ Trust qal li jrid ‘spjegazzjoni ċara u kredibbli dwar iċ-ċirkustanzi’.
Jibqa’ il-fatt li l-klabbs barra r-Renju Unit jistgħu xorta jippruvaw jixtru plejer ta’ Tottenham, f’dawn il-ġranet, peress li d-deadlines tat-trasferimenti għall-kampjonati l-oħra tal-Ewropa jagħlqu fl-aħħar ta’ Awwissu.
Ftit qabel għalaq is-suq tat-trasferimenti fir-Renju Unit, Tottenham fallew f’tentattiv biex jixtru lill-midfielder ta’ Aston Villa, Jack Grealish, għal 25 miljun Sterlina. U minkejja d-diskors pożittivi minn Pocchettino f’lejliet l-istaġun ġdid, il-partitarji qegħdin jinsistu għal spjegazzjoni mingħand iċ-Chairman ta’ Spurs, Daniel Levy.
F’dan l-istaġun, Tottenham se jilgħabu fl-istadium ġdid ta’White Hart Lane li għadda minn renovazzjoni sħiħa u li jiswa 850 miljun Sterlina. Dan is-stadium, li jesa mat-62,000 partitarju, hu t-tieni l-akbar wieħed fl-Ingilterra wara Old Trafford ta’ Manchester United.
//= $special ?>