Wara mewġa ta’ sħana qalila, f’diversi partijiet tal-Ewropa issa wasal il-maltemp.
F’partijiet mit-Tramuntana tal-Ġermanja kien hemm maltemp kbir li ġab miegħu riħ tal-qawwa ta’ 140 kilometru fis-siegħa u li qaċċat siġar u għamel ħsara oħra.
Id-Deutsche Bahn sospendiet diversi vjaġġi minħabba l-maltemp u l-vjaġġ bejn Berlin u Amsterdam kien imħarbat minħabba ħsara fl-inħawi ta’ Osnabrueck.
Sadattant fi Franza, fir-reġjun ta’ Gard, raġel Ġermaniż tkaxkar flimkien mal-karavan tiegħu mill-ilmijiet tal-għargħar. Hu kien għassa ma’ grupp ta’ 115 tifel u tifla mill-Ġermanja li kienu jikkampjaw. It-tfal, li kienu f’Saint-Julien-de-Peyrolas kienu salvati kollha flimkien ma’ 46 persuna adulta.
B’kollox fin-Nofsinhar ta’ Franza 1,600 persuna kienu evakwati fi tliet reġjuni minħabba l-maltemp.
Maltemp wara l-mewġa ta’ sħana


