Futbol Sport

Messi hu l-captain ġdid ta’ Barċelona minflok Iniesta

L-attakkant Arġentin, Lionel Messi ġie kkonfermat bħala l-captain ta’ Barċelona, li huma ċ-champions attwali tal-La Liga Spanjola.

Messi qed jassumi dan ir-rwol wara t-tluq tal-midfielder veteran, Andres Iniesta, bil-klabb Katalan, fi stqarrija, jikkonferma l-ħatra tad-difensuri Gerard Pique u Sergi Roberto bħala vice-captains ġodda.

Lionel Messi, li hu l-aqwa skorer tal-klabb għal kull żmien, kien ilu vice-captain ta’ Barċelona mill-2015 u issa l-‘viċi’ tiegħu (jew first vice-captain) se jkun il-midfielder Sergio Busquets.

Intant, Pique, li hu inkarigat biex imexxi lit-tim fl-assenza ta’ Messi u Busquets ilu plejer ta’ Barċelona mill-2008 u din hi l-ewwel darba li hu ingħata r-responsabbiltà bħala wieħed mill-vice-captains tal-klabb.

Andres Iniesta, din is-sena, ingħaqad mal-klabb Ġappuniż, Vissel Kobe, wara li rebaħ l-unuri kollha ma’ Barċellona u mat-tim nazzjonali ta’ Spanja.

Sadanittant, din hi l-ewwel darba mill-istaġun 2014-15 fejn l-erba’ captains ta’ Barċelona – Messi, Busquets, Pique u Sergi Roberto – huma kollha prodotti tal-akkademja famuża (tal-klabb) għaż-żgħażagħ ta’ La Masia.