Il-Vittorjożani se jkunu jistgħu jgawdu mill-ġdid il-linef prinċipali li kienu jżejnu l-Knisja Parrokkjali ta’ San Lawrenz Martri qabel inkisru fi żmien il-gwerra.
Ħabbar dan l-Arċipriet tal-Birgu, Dun Karm Busuttil, f’messaġġ fi tmiem il-quddiesa ta’ jum il-festa, li xxandret b’mod dirett fuq Net Television bħala parti mill-programm Forċina.
“Se nniedi kummissjoni ġdida biex tibda taħseb għal dak li l-parroċċa tagħna tilfet waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Se nibdew billi nagħmlu mill-ġdid il-linef kbar li kienu jżejnu l-parroċċa. Għal dan l-għan se nwaqqfu kumitat apposta, ħababr l-Arċipriet.
Fortunatament il-parroċċa għandha d-disinn oriġinali tal-linef ta’ daqs ta’ erba’ metri u nofs bi 72 lampa u l-istess tip ta’ kristall li bih kienu magħmula l-linef oriġinali.
Biex isir dan il-proġett ambizzjuż twaqqaf kumitat apposta, bl-Arċipriet jirringrazzja lill-komunità tiegħu għall-ġenerożità.
“Jekk ma nibdewx, ma naslu qatt,” qal l-Arċipriet Busuttil li wiegħed ukoll li kull min jikkontribwixxi f’fond apposta se jitnaqqax ismu bħala turija ta’ apprezzament, u saħansitra qal li jekk xi ħadd jifdihom it-tnejn, lest jagħmillu wkoll irħama fil-knisja.
It-Tieni Gwerra Dinjija kienet ħalliet diżastru fil-Birgu, belt li tilfet ħafna kawża tal-bumbardamenti, tant li minbarra l-ħsarat kbar fil-Knisja Parrokkjali, kellhom jinbnew ukoll il-Kappella tal-Kurċifiss u l-Knejjes tal-Karmnu, Tal-Lunzjata u tat-Trinità.
Dik ta’ San Filippu ġarrbet ħsara fi żmien il-gwerra u ġiet restawrata.
//= $special ?>