Internazzjonali

Sekwestrat vapur b’20 tunellata ħaxixa mill-Pulizija Taljana

Il-forzi tas-sigurtà Taljani interċettaw u sekwestraw vapur li kien qed iġorr 20 tunellata ħaxixa.

Id-droga kienet moħbija fil-petrol abord il-vapur Remus bi bandiera tal-Panama u abbord kien hemm 11-il persuna mill-Montenegro li kienu arrestati mill-forzi tas-sigurtà Taljani.

Is-sekwestru sar f’ibħra internazzjonali u mbagħad il-vapur kien eskortat lejn il-port ta’ Palermo. B’kollox id-droga kienet moħbija fi 650 pakett ta’ ħaxixa għal valur ta’ madwar 200 miljun ewro.

Il-vapur kien telaq mill-port ta’ Las Palmas fil-Gżejjer Canary u uffiċjalment kien dirett lejn il-port ta’ Tuzla fit-Turkija b’waqfa f’Lixandra fl-Eġittu.

Imma l-vapur baħħar qrib ħafna tal-kosta tat-Tramuntana tal-Afrika u hawn intlemaħ mill-forzi tas-sigurtà Taljani spiss jitfi AIS (Automatic Identification System) biex jaħbi fejn verament kien.