Sport Sport Ieħor

TENNIS: Eliminazzjoni sorpriża għal Novak Djokovic

It-tennista Serb, Novak Djokovic, tilef l-opportunità li jirbaħ it-Tazza Rogers għall-ħames darba wara li spiċċa eliminat mit-tennista żgħażugħ Grieg, Stefanos Tsitsipas, f’Toronto.

Ir-riżultat għandu jitqies bħala l-akbar sorpriża tat-tielet rawnd tat-tournament, bi Tsitsipas – li qed jokkupa s-27 post fir-rankings u li jagħlaq 20 sena nhar il-Ħadd — jegħleb liċ-champion ta’ Wimbledon u rebbieħ ta’ 13 il-Grand Slam wara sagħtejn u tmintax il-munita, bil-punteġġ ta’ 6-3, 6-7 (5-7) 6-3.

Intant, din se tkun l-ewwel kwarti-finali għat-tennista Grieg fuq livell ta’ ATP World Tour Masters, u meta quddiemu se jkollu lill-Ġermaniż, Alexander Zverev, li għeleb lil Damiil Medvedev tar-Russja, 6-3,6-2.

It-tennista numru wieħed tad-dinja, Rafael Nadal, ukoll kiseb post mal-aħħar tmienja fit-Tazza Rogers, bl-Ispanjol jegħleb lil Stan Wawrinka tal-Iżvizzera, 7-5,7-6. Ir-rawnd li jmiss ilaqqa’ lil Nadal mal-Kroat, Marin Cilic, li hu s-seed numru seba’.

Intant, konfront ieħor interessanti hu bejn it-tennista mill-Afrika t’Isfel, Kevin Anderson u l-Bulgaru, Grigor Dimitrov.

Anderson, li kien tilef il-finali ta’ Wimbledon kontra Djokovic, elimina lil Ilya Ivashka tal-Belarus, 7-5, 6-3, waqt li Dimitrov għeleb lill-Amerikan Frances Tiafoe 7-6, (7-1) 3-6, 7-6 (7-4).

L-aħħar konfront fit-Tazza Rogers fuq livell ta’ kwarti-finali hu bejn ir-Russu, Karen Khachanov u Robin Haase tal-Olanda.