Għall-veduta tal-bajja tal-Għadira, imdawwra b’uliedha u n-neputijiet tagħha fis-salott ta’ Casa SavMar il-Mellieħa, il-Ġimgħa filgħodu żorna lil Maria Cauchi jum qabel għeluq il-100 sena tagħha.
Maria Cauchi, xebba Buttigieg, twieldet il-Mellieħa lejn l-aħħar tal-Ewwel Gwerra Dinjija fil-11 t’Awwissu 1918 u żżewġet lil Saviour Cauchi fl-1941, fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija. Għalkemm għaddew minn żminijiet diffiċli, Cauchi tkellmet magħna fuq fejn kienu jistkennu mill-bombi tal-għadu:
“Jien ma kontx noħroġ fix-xelter, iżda kellna l-għar hemm isfel fejn iċ-Ċimiterju.”
B’hekk familja kompletament Melliħija, huma kellhom 7 itfal, li sfortunatament minnhom mietu 2. Għalhekk minn dawn il-5 itfal għandha 9 neputijiet u 7 pro-neputijiet, fosthom Zach li seraq ix-xena kollha waqt l-intervista. Ma kienx jonqos it-tisjir għal uliedha, partikolarment xi platt fniek tajjeb, minestri jew stuffat. Peress li l-inħawi ta’ wara l-Knisja tal-Mellieħa kien kollu xagħri, il-familja Cauchi kienet trabbi t-tiġieġ u l-papri biswit id-dar.
Fost l-ispeċjalitajiet l-oħra ta’ Maria kienu t-torti tal-ġamm jew tal-qargħa ħamra u xi dixx għaġin jew laħam il-forn. Filgħaxijiet, kienet tħejji ukoll xi ħaġa bnina biex ilkoll jerħulha għall-baħar l-Għadira:
“Kont nagħmel ħobża daqshiex biż-żejt u filgħaxija konna nniżżilhomlom biex b’sikkina naqtgħalhom u nqassmilhom.”
Apparti l-għawm l-Għadira, kienu jmorru jgħumu Għajn Tuffieħa ukoll għaliex kellhom kamra hemm. U kif qed insemmu l-bajja tal-Mellieħa, Maria għandha rabta ma’ lukanda ewlenija hemmhekk:
“Hemmhekk domt 8 snin naħdem jiena. Kien hemm iz-ziju tiegħi Pawlu.”
Apparti bintha l-kbira Maria Mallia, ma kienx jonqos li jitkellmu magħna l-4 ulied l-oħra dwar l-esperjenzi tagħhom magħha:
“Peress li ngħix magħha, hemm imħabba kbira bejnietna iżda trid tieħu ħsiebha bil-paċenzja u fl-istess ħin tagħmel minn kollox biex taraha kuntenta.” – Rita Cauchi
I“Peress li jien iż-żgħira u ħuti lkoll ikbar minni, kont viċin ħafna tagħha u kienet tfissidni. Niftakarha li qatt ma kienet tixrob alkoħol, kont ngħidilha: “Ma ħu naqra whiskey,” u fil-pront kienet twieġeb le.” – Iris Caruana
“Meta konna tfal, ommi kienet tqajjimna biex imorru għal quddiesa kuljum u dejjem tibgħatna l-iskola indaf, għax kienet iffittata ħafna fl-indafa u hekk tlajna bħalha.” – Doris Meli
“Bħala l-unika tifel ħaj, jiena dejjem kont inkun ma’ missieri kemm għax konna dilettanti tal-insib u kemm fir-raba’. Aħna kellna r-raba’ lejn il-Migduma(taħt Selmun), Tal-Ibraġġ u Irdum id-Delli, lejn Għajn Żnuber. Ommi dejjem saħqet miegħi li tibgħatni biex ngħin lil missieri.” – Ninu Cauchi
Għal din l-okkażjoni, li mal-familja ngħaqdu ma’ Maria ukoll xi qrabat tagħha li ġew minn Detriot, l-Amerka, is-Sibt se ssir quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla ġewwa s-Santwarju tal-Mellieħa segwita minn festin f’għeluq sninha.
//= $special ?>