Mara ta’ 27 sena tilfet it-tarbija li kienet qed iġorr f’ġufha wara li kienet f’inċident tat-traffiku.
F’liema inċident spiċċaw tliet persuni l-isptar inkluż tifla ta’ sitt snin. Il-vittmi ta’ dan l-inċident kienu lkoll ta’ nazzjonalità barranija.
Madanakollu, ix-xufiera taż-żewġ vetturi ma weġġgħux.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-5.50 tal-Ħamis waranofsinhar fi Triq Margaret Murray, magħrufa aktar bħala t-Telgħa t’Alla u Ommu.
Skont informazzjoni li waslet għand NET News, jidher li t-trakk tal-ġebel tat-tip Daf misjuq minn raġel ta’ 55 sena mill-Fgura, u karozza Alfa Romeo misjuqa minn raġel ta’ 36 sena mill-Mosta ħabtu għal xi raġuni.
B’kawża tal-impatt, jidher li t-trakk ma ġratlu l-ebda ħsara estensiva, filwaqt li l-Alfa Romeo sofriet ħsara kbira fil-parti ta’ quddiem tal-karozza – dan minbarra l-feriment tat-tliet passiġġieri li kienu ġol-karozza.
Fuq il-post fejn seħħ l-inċident, waslu numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili. It-triq tat-Telgħa t’Alla u Ommu ngħalqet għal xi ħin. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.
//= $special ?>