‘Il fuq minn 21,000 persuna spiċċaw evakwati minn diversi zoni ta’ Kalifornja fost it- theddida diretta min-nirien qalb foresta li qegħdin javvanzaw lejn diversi komunitajiet.
In-nirien attwali li qegħdin jaqbdu bħalissa madwar Kalifornja qed jitqiesu fost l-agħar fl-istorja moderna tal-Istati Uniti. Id-direttivi għall-aħħar evakwazzjonijiet ħarġu, intant, meta nar partikulari – imlaqqam ‘Holy fire’ – kien qed javviċina d-djar ta’ madwar Lake Elsinore, f’Orange County.
In-nar inkwistjoni qered diġà ħafna art ta’ foresta lejn it-Tramuntana ta’ San Diego, bil-pulizija jressqu l-qorti raġel li hu suspettat bħala ‘l-ixprun wara l-‘Holy fire’. Ir-raġel, Forrest Clark, kien spiċċa arrestat barra r-residenza tiegħu wara li hu kkonfronta lill-pulizija, bl-awtoritajiet jgħidu li r-raġel kien ‘qabbad in-nar b’intenzjoni’ wara li kien ilu s-snin involut f’tilwima mal-ġirien.
Intant, l-aħħar rapporti minn Los Angeles qalu li s-sħana kbira u l-irwiefen regolari qed ikunu l-kaġun għan-nirien feroċi, kważi inkontrollabbli, f’Orange County. Ħarġet ukoll twissija dwar ‘ix-xejriet tat-temp, li fil-jiem li ġejjin, kapaċi jirrendu s-sitwazzjoni tan-nirien jerġa’ aktar diffiċli u perikoluża’.
Is-servizzi tat-temp nazzjonali fl-Istati Uniti, fl-istess ħin, sostnew li d-dħaħen min-nirien ta’ Kalifornja ( li ilhom jaqbdu għal ġimgħat) u min-nirien l-oħrajn fir-reġjuni tal-Punent laħqu nfirxu fuq medda kbira ta’ territorju, fost l-effett inevitabbli għall-kwalità tal-arja.
‘Il fuq minn 600 ħaddiem mal-iskwadri għall-emerġenza qed jikkumbattu l-‘Holy fire’ li hu wieħed biss minn fost xi 18 il-nar kbir li qegħdin jaqbdu madwar Kalifornja. Dan meta nar ieħor attwali – il-Mendocino Complex fire – hu ddikjarat bħala l-akbar u l-agħar fl-istorja ta’ Kalifornja. Mistenni, intant, li l-fjammi ta’ ‘Mendocino’ għandhom ikomplu jaqbdu għall-kumplament tax-xahar.
//= $special ?>

