Sport Waterpolo

Exiles jegħlbu lil Neptunes għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom

Aurelien Cousin jipprova jimblokka xutt ta' Stevie Camilleri (Ritratt: Domenic Aquilina)

EXILES ELIA CATERERS………….. 11

NEPTUNES LEO VEGAS……………. 7

(2-3), (4-0), (2-2), (3-2)

Exiles Elia Caterers kisbu rebħa storika fl-istorja tal-klabb tagħhom meta għall-ewwel darba għelbu lil Neptunes Leo Vegas 11-7. Logħba li fiha ċertament rebaħ l-aħjar tim hekk kif Exiles kienu l-aktar tim dixxiplinat u għatxan għall-partita, bil-gowlkiper Matthew Castillo strumentali b’diversi saves.

Minkejja li kienu mċaħħda diversi drabi mill-gowlkiper avversarju, Neptunes ma kellhomx prestazzjoni tajba, bil-kowċ Jovan Popovic żgur li ma kienx kuntent kif it-tim aġixxa fil-man-ups filwaqt li naqsu li jibqgħu kalmi fil-logħba.

Exiles ħadu vantaġġ darbtejn fl-ewwel sessjoni, iżda Neptunes wieġbu darbtejn b’Stevie Camilleri jiskorja minn man-up biex rebbaħ l-ewwel sessjoni lil Neptunes.

Exiles komplew jibnu fuq il-prestazzjoni tal-ewwel sessjoni, u tjiebu fid-difiża bil-gowlkiper Matthew Castillo f’vena mill-aqwa hekk kif beda jsalva dak li beda jiġi għal idejh. Huma mhux biss dawru l-iżvantaġġ iżda fetħu vantaġġ ta’ tliet gowls, b’erba’ gowls minn Philip Paris, Slobodan Nikic, Mark Fenech u Aurelien Cousin.

Exiles saħansitra fetħu distakk ta’ ħames gowls fit-tielet sessjoni permezz ta’ Timmy Sullivan u Andrea Bianchi, iżda Neptunes urew sinjali li għadhom fil-logħba b’gowl fuq l-ewwel lasta ta’ Miguel Zammit u ieħor lejn it-tmiem ta’ Petar Muslim.

Dan il-fatt żamm lil Exiles konċentrati u b’doppjetta ta’ Nicky Paris reġa’ kellhom vantaġġ komdu biex għalqu l-logħba. Stevie Camilleri prova jħalli lit-tim tiegħu fil-logħba, iżda gowl ta’ Michele Stellini madwar żewġ minuti mit-tmiem qata’ kull tama.

Exiles: M. Castillo, M. Fenech (1), A. Bianchi (1), M. Stellini (1), T. Sullivan (2), S. Xerri de Caro, S. Nikic (2), K. Griscti, N. Paris (2), A. Cousin (1), B. Lanzon, P. Paris (1), G. Ciappara

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (1), K. Erdogan, G. Pace, P. Muslim (3), N. Zammit, S. Camilleri (2), J. Camilleri, J. Abela, M. Zammit (1), S. Busuttil, M. Azzopardi, J. Parnis

Referees: Ronnie Spiteri, Massimiliano Ruscica

Marsaskala jirbħu lejn it-tmiem

MARSASKALA TRANSCRIPTA….. 9

TA’ XBIEX AMIGOS…………………. 8

(1-1), (6-1), (1-4), (1-2)

Marsaskala Transcripta ssugraw iżda finalment ħarġu rebbieħa 9-8 kontra Ta’ Xbiex Amigos biex jinsabu waħedhom fit-tielet post. Partita li ta’ żewġt uċuħ b’Ta’ Xbiex ipattu qares għat-tieni sessjoni negattiva.

L-ewwel sessjoni ntemmet fi draw, b’Jean Claude Cutajar iwieġeb għall-gowl ta’ Liam Galea. Marsaskala ddominaw it-tieni sessjoni u dehru li setgħu jersqu li jagħlqu l-logħba. Cutajar u Andrija Vlahovic taw vantaġġ doppju lit-tim ta’ Pierre Borg, sakemm Nikola Dedovic naqqas id-distakk. Iżda gowls minn Cutajar, Vlahovic u doppjetta ta’ Jake Bajada tat vantaġġ li sa dak il-ħin deher komdu.

Wara l-mistrieħ, Ta’ Xbiex dehru trasformati u rnexxielhom jerġgħu jidħlu fil-logħba. Duncan Cassar għamilhom 8-3 wara l-gowl ta’ Dedovic, iżda Ta’ Xbiex skorjaw tliet gowls konsekuttivi minn doppjetta ta’ Keith Tanti u Liam Galea.

Marsaskala ma bdewx ikunu preċiżi fl-attakki u ma kinitx sorpriża li Ta’ Xbiex saħansitra ġabu d-draw b’żewġ gowls minn Malcolm Manara u Nikola Dedovic. Iż-żewġ timijiet bdew jippruvaw isibu l-gowl tar-rebħa, u kienu Marsaskala li skorjaw il-gowl rebbieħ fl-aħħar attakk tagħhom meta Ta’ Xbiex tilfu l-pussess u nqabdu fid-difiża, b’Kyle Navarro jegħleb lil Andre Theuma.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (3), E. Carabott, D. Borg Millo, A. Vlahovic (2), L. Grixti, K. Navarro (1), J. Busuttil, J. Bajada (2), C. Mifsud, D. Cassar (1), R. Attard, J. Cremona

Ta’ Xbiex: A. Theuma, R. Greco, M. Manara (1), L. Hyzler, B. Cachia, G. Blundell, N. Dedovic (3), L. Galea (2), G. Sammut, K. Tanti (2), N. Saliba

Referees: Francesco Romolini, Richard Magri