Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell dwar l-aġir tal-Gvern fil-kuntratt għall-bini ta’ hub tas-saħħa f’Raħal Ġdid turi li l-Gvern mhux biss qed iħawwad imma wkoll b’dan it-taħwid tiegħu qed jonqos lin-nies, lill-pazjenti tal-futur u lin-negozji kompetituri nfushom. Stqarr dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, u żied li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell issejjaħ biex, l-ewwel nett, ikun hemm min jerfa’ r-responsabbiltà politika tal-Gvern għat-taħwid li nkixef.
L-istqarrija tkompli li din mhix l-ewwel darba li l-għoti ta’ tenders li jinvolvu servizzi tas-saħħa qed jinkixfu mimlijin irregolaritajiet kbar. Il-ħasra hi li n-nies u n-negozji qed ibatu minn dan it-taħwid għax il-Gvern ma tgħallem xejn mit-taħwid li għamel meta ta lil Vitals tliet sptarijiet pubbliċi. Fil-każ tal-Vitals ukoll, inkixfu irregolaritajiet u tberbiq tat-taxxi tal-poplu bla ma ħadd jaf x’sar minnhom.
Il-Partit Nazzjonalista qal li minn dan it-taħwid qed ibatu dawk kollha li mill-paga fl-aħħar tax-xahar jaraw il-flus li ħadmu għalihom jinħatfu f’taxxi mill-Gvern li ma jużahomx għall-ġid pubbliku imma għat-taħwid. Qed ibatu wkoll il-pazjenti tal-futur li flok hubmibni fi żmien xieraq qed jaraw ix-xogħol ikompli jiddewwem minħabba t-taħwid tal-Gvern. Qed ibatu wkoll in-negozji kompetituri nfushom li wkoll jisfaw b’dewmien tort tal-Gvern imma li jkompli jhedded il-pjanijiet u l-ħidma tagħhom. It-taħwid tal-Gvern huwa taxxa moħbija fuq in-negozji u fuq min iħallas it-taxxi mill-għaraq ta’ ġbinu.
Filwaqt li l-Oppożizjoni hi favur kull pass li jista’ jsir sabiex jittejjeb il-qasam tas-saħħa, tkun qed tħares ukoll l-interessi tal-poplu Malti kollu meta tinsisti kontra t-taħwid li rriżulta anke mis-sentenza tal-Qorti tal-Appell. L-istqarrija ttemm tgħid li hu għalhekk li l-Oppożizzjoni se tkun qed tagħmel skrutinju fuq il-bini tal-hubtas-saħħa f’Raħal Ġdid sabiex dak li ħaqqu l-poplu mit-taxxi li jħallas jieħdu bid-dritt kollu flok jintilef fit-taħwid tal-Gvern.
//= $special ?>