Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq qed tiċħad il-proposti għad-denuklearizzazzjoni

L-istampa tal-Istati Uniti, filwaqt li kkwotat sorsi diplomatiċi, żvelat li l-Korea ta’ Fuq komunista qed tiċħad il-proposti ‘ripetuti’ tal-Istati Uniti dwar id-denuklearizzazzjoni.

Dan meta l-Istati Uniti għamlet u se tkompli tagħmel ‘il-proposti speċifiċi għall-bidu u l-konklużjoni ta’ proċess fejn il-Korea ta’ Fuq twarrab għan-nukleari b’mod li jista’ ikun ivverifikatat mis-sorsi indipendenti’.

Madankollu, l-aħħar rapporti qalu li ‘il-wiegħdi vagi’ li ħarġu mis-summit storiku ta’ Ġunju, f’Singapore, bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, għalissa, wasslu biss għal ‘staġnar diplomatiku’.

Sorsi qrib l-entità tal-aħbarijiet CNN sostnew mill-ġdid li d-dokument mis-summit storiku ma kellu l-ebda dettalji dwar iż-żmien u t-tragwardi potenzjali, ‘b’dan jippermetti lill-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq biex jinterpretaw id-dokument kif jixtiequ huma’.

Is-CNN irrefera għal uffiċjal ( mingħajr ma ssemma ismu) li jaf sew il-pożizzjoni tal-Korea ta’ Fuq u li qal li t-tkomplija tan-negozjati bejn l-Istati Uniti u l-Korea komunista tiddependi minn kemm Washington hu lest biex jieħu pass ‘kuraġġjuż’ u jaqbel dwar trattat ta’ paċi mar-reġim komunista fi Pyongyang.

Min-naħa tiegħu, ir-reġim fi Pyongyang qed jgħid li l-Istati Uniti ‘qed iddur lura mill-wiegħdi li għamlet’ u li ‘elementi fi ħdan il-Gvern Amerikan mhumiex iżommu mal-ispirtu tad-djalogu ta’ waqt is-summit ta’ Singapore bejn Trump u Kim Jong-un’.