Lokali

8 snin mill-mewt tal-President Emeritus Guido de Marco

F’jum 12 ta’ Awwissu, qed jiġi mfakkar it-8 snin anniversarju mill-mewt tal-President Emeritus Guido de Marco, li miet lura fl-2010 fl-eta ta’ 79 sena. Il-perseveranza u r-rettezza kkaratterizzat il-karriera prolifika ta’ Guido de Marco, b’dinjità u kapaċità li kien japprezza l-valuri li kull persuna kienet tħaddan.

Guido de Marco twieled fil-Belt Valletta, f’familja ta’ ħaddiema fit-22 ta’ Lulju 1931 u gradwa bħala avukat fl-1955 fejn b’rata mgħaġġla spiċċa fil-quċċata tal-professjoni legali fejn għandha x’taqsam il-liġi kriminali.

Fl-1966 Guido de Marco ġie elett għall-ewwel darba fl-elezzjonijiet ġenerali mal-Partit Nazzjonalista. Fis-sebgħinijiet u tmeninijiet serva wkoll ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, l-id il-leminija tal-Kap tal-Partit Eddie Fenech Adami, waqt iż-żminijiet xejn sbieħ li Malta kienet għaddejja minnhom, bil-Gvern taħt it-tmexxija ta’ Dom Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici rispettivament.

De Marco kien element importanti wkoll sabiex solva l-problema politika magħrufa bħala tas-siġġijiet wara li lura 1981 l-Partit Nazzjonalista kiseb l-maġġoranza tal-voti, b’51%, iżda l-minoranza tas-siġġijiet fil-Parlament Malti. Kien hu li għen sostanzjalment sabiex nbidlet il-kostituzzjoni f’dan ir-rigward – għal waħda li verament turi r-rieda tal-poplu.

F’Mejju tal-1990 ġie maħtur bħala Ministru għall-Affarijiet Barranin, u f’Settembru tal-istess sena ġie elett bħala President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti. Għalkemm ser jibqa’ mfakkar għas-sostenn li ta lill-Kuwait ftit qabel ma Saddam Hussein invada l-pajjiż, Guido de Marco ser jibqa’ mfakkar ukoll għaż-żjarat li għamel fil-Korea ta’ Fuq u t’Isfel. Żar ukoll, b’riskju ċar, territorji okkupati – kif ukoll ħadem fost oħrajn sabiex jipproteġi l-ibħra u qajjem kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima – problema li dak iż-żmien mhux daqstant kienu jifmuha nies.

Dak is-sajf, kien huwa stess li firex l-ewwel pass ta’ Malta fit-traġit li ssir stat membru fi ħdan l-Unjoni Ewropea – ġrajja twila mimlija ostakkli kemm mill-Partit Laburista kif ukoll minn xi stati membri oħra. Fl-awtobijografija tiegħu The Politics of Persuasion, Guido de Marco saħaq li kienet ħaġa frustranti ħafna kif il-pajjiżi Ewropej kienu jħarsu lejn Malta, iżda bi żmien u l-paċenzja din inbiddlet għal kollox.

Guido de Marco għamel mal-ħamsin sena jgħallem il-liġi fl-Universita ta Malta – fejn tul dan iż-żmien ippublika diversi kotba legali.

Huwa serva ta’ President ta’ Malta mill-1999 sal-2004 – fejn b’rettezza prova jgħaqqad iż-żewġ partiti politiċi ewlenin f’pajjiżna mingħajr ebda bias partiġġjan.

Guido de Marco jibqa’ mfakkar bħala statista u oratur formidabbli, b’uminità li żżommok – raġel eżemplari li dejjem poġġa l-interess ta’ pajjiżu fuq quddiem.