Robert Lewandowski skorja tripletta hekk kif Bayern Munich għelbu lil Eintracht Frankfurt 5-0 biex reġgħu rebħu s-Super Cup Ġermaniża. L-attakkant Pollakk ta’ 29 sena skorja b’żewġ daqqiet ta’ ras fl-ewwel taqsima u żied it-tielet wieħed b’xutt b’saħħtu bix-xellug għaxar minuti wara l-ħin tal-mistrieħ.
Kinglsey Coman għamilhom 4-0 fit-63 minuta biex l-Ispanjol Thiago Alcantara skorja l-ħames gowl fil-85 minuta. Din kienet tpattija sportiva għal Bayern Munich wara li huma kienu megħluba 3-1 minn Eintracht Frankfurt fil-finali tat-Tazza Ġermaniża l-istaġun li għadda.
Il-futur ta’ Lewandowski kien suġġett għal spekulazzjoni kbira dan is-sajf, iżda l-kowċ il-ġdid Niko Kovac qal li l-klabb hu ċert li mhux se jħallih jitlaq.
Iċ-champions Ġermaniżi jibdew id-difiża tal-Bundesliga fl-24 ta’ Awwissu b’logħba kontra Hoffenheim. Huma jilagħbu kontra Drochtersen jew Assel fit-Tazza Ġermaniża fit-18 ta’ Awwissu filwaqt li fl-istess kompetizzjoni Frankfurt jilagħbu kontra Ulm.
//= $special ?>