Kultura Lokali Mużika

Jirritorna l-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior

Wara nuqqas ta’ erba’ snin il-Konkors Kanzunetta Indipendenza Junior ser ikun qed jerġa’ jirritorna Fuq il-Fosos tal-Floriana bħala waħda mis-serati ewlenin  tul il-festi tradizzjonali tal-Indipendenza organizzati mill-Partit Nazzjonalista.

Is-serata finali ser issir fuq il-palk prinċipali nhar it-Tnejn 17 ta’ Settembru.

L-edizzjoni ta’ din is-sena ser ikun miftuħ għal tfal u żgħażagħ ta’ bejn is-7 u l-15-il sena u ser ikollu żewġ fażijiet qabel ikun magħruf ir-rebbieħ jew rebbieħa finali. Il-kantanti applikanti kollha ser ikunu qed jikkompetu bejniethom f’fażi eliminatorja, fis-6 ta’ Settembru.

Ġurija ffurmata  minn ħames membri ser tkun qed tagħżel 20 kanzunetta li ser jirbħu d-dritt li jgħaddu għall-finali.

Għas-serata finali ser ikun hemm ħames membri tal-ġurija differenti minn dawk tal-eliminatorja. Il-pubbliku ser jingħata ċ-ċans li jagħżel ukoll il-kanzunetta favorita tiegħu permezz tat-televoting fejn kull kantant/a ser ikollhom numru abbinat mal-kanzunetta rispettiva tagħhom.

Fl-aħħar gimgħat twaqqaf kumitat sabiex ikun jista’ jorganizza u jikkordina dan il-konkors. Dan il-kumitat qed jitmexxa mid-Deputat Robert Cutajar li fil-passat riċenti kien ukoll il-persuna li organizza Konkorsi Kanzunetti Misraħ il-Milied.

Robert Cutajar spjega kif dan il-konkors ser ikun qed jagħti opportunità lil numru sabiħ ta’ tfal u żgħażagħ sabiex jesprimu l-kapaċitajiet tagħhom fil-kant b’kanzunetti oriġinali bil-lingwa Maltija, u fil-miftuħ. Qal ukoll li din mhux biss hija opportunità għall-kantanti iżda wkoll għall-awturi u l-kompożituri Maltin.

L-applikazzjonijiet għal dan il-konkors ser ikunu qed jintlaqgħu nhar il-Ġimgha 31 ta’ Awwissu, u t-Tnejn 3 ta’ Settembru bejn id-9am u s-7pm.

Għal aktar informazzjoni jew regolamenti wieħed jista’ jċempel fuq 79262101 jew jibgħat email fuq kkijunior2018@gmail.com.