Sport Sport Ieħor

Jorge Lorenzo jegħleb l-isfida ta’ Marc Marquez fl-Awstrija

Jorge Lorenzo flimkien mat-tim tiegħu (Ritratt: EPA)

Jorge Lorenzo ta’ Ducati kiseb it-tielet rebħa tal-istaġun meta għeleb l-isfida ta’ Marc Marquez ta’ Honda fil-Grand Prix tal-Awstrija.

Marquez kien beda mill-pole position iżda tilef il-vantaġġ lil Andrea Dovizioso u meta prova jirbaħ postu fit-tielet kantuniera, il-mossa tiegħu kkompromettiet liż-żewġ sewwieqa, b’Lorenzo jmur fuq quddiem.

Marquez beda jagħlaq fuq iż-żewġ sewwieqa ta’ Ducati u bl-Ispanjol u Dovizioso jkunu fi dwell bejniethom, Marquez irnexxielu jitla’ fit-tieni post u prova l-attentat finali għal Lorenzo fl-aħħar ħames dawriet.

Fid-dawra ta’ qabel tal-aħħar, Marquez qabeż lil Lorenzo, iżda s-sewwieq ta’ Ducati reġa’ qabeż fl-ewwel post. Marquez prova jaqbeż fuq quddiem fl-aħħar kantunieri, iżda Lorenzo ddefenda tajjeb biex kiseb l-ewwel post.

Andrea Dovizioso spiċċa fit-tielet post, segwit minn Cal Crutchlow, Danilo Petrucci u Valentino Rossi li temm is-sitta wara li kien beda mill-14-il post. Fil-klassifika tas-sewwieqa, Marc Marquez jinsab 201 punt, segwit minn Valentino Rossi b’142 punt, b’Jorge Lorenzo jitla’ fit-tielet post b’130 punt.

Tags