Il-kosta ta’ wara l-Forti Ricasoli u l-baħar tal-madwar fil-Kalkara qed jiġi mniġġes b’rimi llegali ta’ likwidu iswed li fih diversi dud u insetti.
Dan ħareġ f’filmat li nxtered fuq il-midja soċjali minn residenta, b’diversi nies jgħidu li dan mhux biss qed jagħmel ħsara liż-żona tal-madwar u dawk li jagħmlu użu minnha, iżda wkoll il-likwidu qed jikkonsisti f’riħa qawwija u insapportabbli.
Fil-filmat jidher pajp tad-dranaġġ li tpoġġa b’mod li d-dranaġġ u l-ħmieġ li ħiereġ minnu jmur kollu fil-baħar.
Skont rapporti fil-midja, jidher li l-kumpanija Waste Oils Limited huma responsabbli għal dan il-likwidu. Il-kumpanija qalet fl-2015, fis-sena li l-ewwel darba li ġie nnutat dan il-likwidu, li ma kinitx taf x’inhu l-likwidu u b’hekk ma jistgħux jieħdu l-ebda azzjoni.
Dan mhux biss qed jagħmel ħsara lill-blat u l-baħar taż-żona, iżda dan il-likwidu qed joħroġ ftit metri-il bogħod minn bajja pubblika fejn diversi nies, b’mod speċjali familji bit-tfal, jinżlu jgħumu.
Il-persuna li ħadet u ppublikat dan il-filmat fuq il-midja soċjali, Liane Gatt qalet li dan juri n-nuqqas kbir ta’ attenzjoni li qed jingħata l-ambjent Malti mill-awtoritajiet konċernati.
Diversi persuni rrapurtaw lil pulizija dwar dan il-likwidu maħmuġ. Dawn ir-rapporti ilhom isiru mill-2015, b’riżultati li minkejja li nġibdet l-attenzjoni ta’ dan kollu, xejn ma sar għal 4 snin sħaħ.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Wirt il-Kalkara qalet li tikkundanna dan l-aġir filwaqt li tappella lill-awtoritajiet konċernati biex jieħdu azzjoni mmedjata biex ma jkomplix isir ħsara lil poplu Kalkariż u l-binjiet storiċi tal-lokalità.
//= $special ?>