Iċ-champions Ingliżi Manchester City bdew jiddefendu t-titlu mirbuħ is-sena l-oħra fuq nota pożittiva, b’rebħa ta’ 2-0 kontra Arsenal fl-Emirates Stadium. Raheem Sterling fetaħ l-iskor wara 14-il minuta, b’azzjoni personali li fiha qata’ għan-nofs u skorja b’xutt minn pożizzjoni ċentrali.
L-iskor sar 2-0 fl-64 minuta meta Benjamin Mendy krossja mix-xellug għan-nofs, fejn sab l-iżmarkat Bernardo Silva li b’xutt b’saħħtu mill-ewwel spara wara Petr Cech. Minn hemm it-tim ta’ Guardiola kkontrolla mingħajr diffikultà.
Liverpool kellhom bidu b’saħħtu b’rebħa konvinċenti ta’ 4-0 kontra West Ham f’Anfield. Mohamed Salah fetaħ l-iskor fid-19-il minuta meta kompla għal ġewwa mill-viċin wara kross ta’ Robertston. It-tim ta’ Klopp irdoppja qabel tmiem l-ewwel taqsima, b’Sadio Mane jiskorja f’lasta vojta, wara passaġġ ta’ James Milner mil-lemin.
L-istess Mane għalaq il-logħba fit-53 minuta, bit-tielet gowl skorjat b’xutt fil-baxx mill-kaxxa l-kbira. Daniel Sturridge ssiġilla r-rebħa fit-88 minuta meta skorja mill-viċin minn azzjoni ta’ korner, fl-ewwel ballun li miss wara li kien għadu dieħel bħala sostitut.
F’logħba oħra, Southampton u Burnley spiċċaw fi draw ta’ 0-0. Fost il-protagonisti fil-logħba kien hemm iż-żewġ gowlkipers Alex McCarthy ta’ Southampton u Joe Hart ta’ Burnley li ddistingwew ruħhom fejn salvaw diversi drabi.
//= $special ?>