Futbol Sport

Ronaldo jassigura l-partitarji fuq il-kundizzjoni ta’ saħħtu

L-eks attakkant Brażiljan Ronaldo rringrazzja lill-partitarji tal-futbol tiegħu tas-sapport u żvela li se jħalli l-isptar ta’ Ibiża għada.

Rapporti fi Spanja rrappurtaw li Ronaldo kien jinsab fil-kura intensiva f’Ibiża bi pneumonia. Il-Brażiljan ta’ 41 sena li rtira fl-2011, ittieħed fl-isptar ta’ Can Misses il-Ġimgħa filgħaxija fejn instab li kien ibati minn kumplikazzjoni fil-pulmun.

Hu talab li jkun trasferit fl-isptar privat ta’ Clinica Nuestra Senora del Rosario aktar tard filgħaxija, u għadu fil-kura intensiva. Il-gazzetta Diario De Ibiza kienet irrappurtat li Ronaldo qed jagħmel progress pożittiv.

Ronaldo li fil-karriera tiegħu lagħab ma’ seba’ klabbs, kien fuq vaganza f’Ibiża, fejn hu sid ta’ dar. Il-karriera tal-eks attakkant intemmet seba’ snin ilu wara żewġ staġuni ma’ Corinthians. Hu kien skorer prolifiku ma’ uħud mill-aqwa timijiet fl-Ewropa fosthom Barcelona, Inter, Real Madrid u Milan, u hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa attakkant fl-istorja.

Tags