James Magri ta’ 41 sena minn Ħad Dingli tressaq il-Qorti akkużat li qatel tliet ċikonji protetti.
Magri allegatament spara u qatel tliet ċikonji nhar il-Ġimgħa li għadda ftit tas-siegħat biss wara li l-għasafar taru lejn Malta.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh u l-Maġistrat Audrey Demicoli ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat wara li ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien .
Dawn it-tliet għasafar kienu parti minn qata’ ta’ tmintax-il ċikonja li l-ewwel ma deheru kien fuq Għawdex u aktar tard deheru fuq ir-Rabat u l-Imdina.
Xhieda fil-post qalu li raw lil Magri jiġbor żewġ għasafar imma ħalla t-tielet wieħed warajh wara li nduna li kien qed jiġi mgħasses.
L-avukat tal-akkużat Edward Gatt akkuża lill-Pulizija li għaġlet biex ressqet lill-Magri mingħajr ma kellha l-evidenza meħtieġa, hu akkuża l-pressjoni li saret mill-media li wasslet għal dan.
Hu qal li waqt li l-qtil taċ-ċikonji kien ta’ għajb, l-akkużi li qed jaffaċja Magri ma jwasslux għal sentenza ta’ priġunerija u għalhekk ma kienx jagħmel sens li jinżamm arrestat. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba li kien għad hemm nies li għad iridu jixhdu dwar dan ir-reat. Għal dan il-maġistrat Audrey Demicoli qablet mal-prosekuzzjoni u ordnat li l-akkużat jinżamm arrestat.
B’rabta ma dan ir-reat kienu bosta l-kundanni fosthom Birdlife li qalet li l-qtil taċ-Ċikonji Bojod ma kienx inċident iżolat imma xhieda ċara ta’ kemm hi mifruxa l-kaċċa illegali.
Kaċċaturi San Ubertu qalu li jqisu il-qtil ta’ għasafar protetti bħala att kundanabbli fis-soċjetà ta’ llum li jista’ biss jitqies bħala att kriminali. F’Malta għandna l-aktar pieni ħorox għal każi simili iżda xorta min ħin għal ħin jitwettaq xi att simili minkejja li l-maġġaronza tal-kaċċaturi josservaw il-liġi.
Bl-istess mod, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ikkundannat il-qtil illegali ta’ għasafar protetti u sostniet li se tkun qed taħdem biex teqred għal kollox il-kaċċa u l-insib illegali mill-gżejjer Maltin.
//= $special ?>