Lokali Qorti

Akkużat li ħareġ il-partijiet privati tiegħu quddiem żewġ tfajliet f’supermarket

Stevan Karanovic, Serb ta’ 57 sena residenti r-Rabat, wieġeb mhux ħati ghall-akkuzi miġjuba kontrieh wara li kien akkużat li s-Sibt ħareġ il-partijiet privati ta’ ġismu lil żewġt tfajliet minorenni qrib ‘cheese counter’ ta’ supermarket lokali.

L-allegat każ seħħ f’Ħal Qormi, filwaqt li tfixxija li saret fir-residenza tiegħu wasslet biex instabu wkoll għadd ta’ filmati u ritratti ta’ porgnogragfija ma’ tfal, fosthom ukoll bl-involviment ta’ trabi.

L-akkużi fil-konfront tas-Serb jinkludu l-produzzjoni, l-akkwist u ċ-ċirkolazzjoni ta’ materjal indiċenti, li nkluda fih ukoll minuri. Kien akkużat ukoll li kien għarwien jew libes b’mod indiċenti f’post pubbliku.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispter Roxanne Tabone, mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra l-Vizzji, spjegat kif is-Sibt li għadda kienet infurmata b’dak li ġara mill-Pulizija mill-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal Qormi.

Jirriżulta li waħda mit-tfajliet, li kienet miexja ma’ ommha, qaltilha biex ma tħarisx lura minħabba l-att li kien qed jagħmel is-Serb. Min-naħa tagħhom, il-ġenituri tat-tfajla ġibdu l-attenzjoni tat-tmexxija tas-supermarket, li mbagħad żammewh sakemm waslu l-Pulizija.

Mal-Pulizija, it-tfajliet qalu li r-raġel kien ilu jsegwihom għal numru ta’ minuti u jagħmel diversi mossi indiċenti ripetutament. Min-naħa tiegħu, is-Serb qal lill-Pulizija li meta għamel dan l-att, ħass il-ħtieġa li jesponi lilu nnifsu, għalkemm qal li ma jistax jispjega lilu nnifsu.

Talba mid-Difiża tas-Serb biex jingħata l-libertà proviżorja ma kinitx aċċettata, bil-Prosekuzzjoni tgħid li r-raġel m’għandux post fiss fejn joqgħod f’pajjiżna. Barra minhekk, il-Qorti mmexxija mill-Maġistrat Audrey Demicoli talbet ukoll li l-ismijiet tal-vittmi ma jixxandrux.

Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Simon Micallef Stafrace bħala Avukat tal-Għajnuna Legali.