Futbol Sport

David Silva jirtira mit-tim nazzjonali ta’ Spanja

Il-midfielder David Silva ħabbar li rtira mill-futbol internazzjonali fl-età ta’ 32 sena. Mat-tim nazzjonali Spanjol, Silva rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2010 u l-Kampjonat Ewropew fl-2008 u fl-2012. Wara t-Tazza tad-Dinja, Silva kien ammetta li kien qed jikkunsidra li jirtira mit-tim nazzjonali ta’ Spanja, u fi stqarrija llum ħabbar li rtira.

Fi 12-il sena ma’ Spanja, David Silva lagħab 125 logħba u skorja 35 gowl li jfisser li hu r-raba’ l-aqwa skorer fl-istorja ta’ Spanja wara David Villa, Raul u Fernando Torres. Hu wkoll hu t-tieni l-aktar plejer b’assists fl-istorja ta’ Spanja.

Silva ħabbar li rtira b’ittra fejn qal li ma kinitx deċiżjoni faċli wara l-esperjenzi kollha li kellu. Hu qal li kellu jiem u ġimgħat ta’ riflessjoni u analiżi biex jieħu d-deċiżjoni finali jirtira minn ma’ Spanja, deċiżjoni li hu kkunsidra bħala waħda mill-aktar diffiċli fil-karriera tiegħu.

“Se nitlaq kuntent b’dak li ksibt, esperjenzajt u ħlomt flimkien ma’ tim li se niftakar għal dejjem.” Hu semma fost l-oħrajn lil Luis Aragones, il-kowċ li mexxa lit-tim Spanjol għar-rebħ tal-Kampjonat Ewropew tal-2008.

Il-midfielder irringrazzja lill-familja tiegħu tas-sapport matul is-snin, u qal li kieku ma kienx jifforma parti mit-tim nazzjonali. Silva radd ħajr lill-partitarji Spanjoli li dejjem tawh is-sapport u r-rispett kull darba li libes il-flokk ta’ Spanja.

B’hekk il-playmaker meqjus bħala wieħed mill-aqwa midfielders fil-Premier League, issa se jkun qed jiffoka fuq il-karriera tiegħu ma’ Manchester City, fejn hu mistenni jibqa’ mal-klabb sal-2020. F’xi intervisti, Silva wera x-xewqa li jtemm il-karriera f’pajjiżu.