Internazzjonali

Evitat attakk terroristiku fil-Ġordan

Il-Gvern tal-Ġordan qal li rnexxielu jevita attakk terroristiku kbir wara rejd mill-Pulizija f’moħba ta’ terroristi fil-Punent tal-kapitali Amman.

Rejd li fih tliet uffiċjali tal-Pulizija nqatlu. Ir-rejd sar bħala parti minn investigazzjoni wara splużjoni li kien hemm il-Ġimgħa li fih inqatel Pulizija f’Fuheis. Kelliem tal-Gvern qal li hekk kif indaħlu l-pulizija fil-bini, kien hemm splużjoni qawwija, aktarx minn terrorista suwiċida. Bil-qawwa tal-isplussiv, il-faċċata tal-bini kkrollat.

Qabel kien hemm ukoll sparatura li fiha 20 persuna ndarbu, fosthom nisa u tfal li jgħixu fiz-zona.
Fl-attakk f’Fuheis, il-vittmi kellhom ikunu akbar.

Dan għaliex il-bomba tħalliet fil-post fejn tieqaf ix-xarabank tal-Pulizija li jkunu għassa ma’ festival tal-mużika li qed isir bħalissa. Imma għal xi raġuni jew oħra l-bomba ma splodietx fil-ħin li suppost.