Kevin Micallef se jinżamm arrestat wara li ma talabx għall-ħelsien mill-arrest. It-Tnejn kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-każ tal-qtil doppju li seħħ fil-Għargħur – meta Kevin Micallef ta’ 42 sena allegatament qatel lill-ommu Antonia u lill-zitu Maria b’diversi daqqiet ta’ sikkina wara li ssuspetta li kienu qegħdin jitfugħlu l-kalmanti fil-kafe.
Fil-Qorti xehed l-uffiċjal tal-RIU Antoine Agius li rrakkonta l-mument tal-arrest. Stqarr li hekk kif wasal fuq il-post tal-qtil, kien Kevin Micallef stess li fetaħ il-bieb ta’ barra u kien f’dak il-mument li ġie arrestat. Hekk kif sabu x-xena mdemmija – mal-ewwel intalbet biex tiġi ambulanza fuq il-post biex tingħata l-għajnuna medika. Omm l-akkużat kienet għadha ħajja, u għalhekk ittieħdet l-isptar Mater Dei fejn ftit mumenti li ġiet f’sensiha hi lissnet isem binha ‘Kevin’.
Fl-awla nstemgħet ukoll ix-xhieda tal-Ispettur Mario Sciberras, hu stqarr li kien minn tal-ewwel li wasal fuq il-post fejn seħħ id-delitt – u hemmhekk sab lill-akkużat mċappas bid-demm u mmanettjat mill-Pulizija.
Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, xehed ukoll is-Surġent Brent Zammit li qal li dakinhar tal-qtil hu mar fir-residenza u saret it-tfittxija flimkien ma’ numru ta’ Pulizija oħra fejn ġew elevati xi mediċini u mobiles li nstabu. Minbarra d-dar li fiha seħħ id-delitt, saret tfittxija wkoll f’żewġ vetturi tal-akkużat.
Wara talba f’isem il-prosekuzzjoni mill-Ispettur Kurt Zahra, l-Qorti ħatret lill-espert Joseph Mallia sabiex jieħu l-impronti diġitali tal-akkużat Kevin Micallef u dawn jiġu mqabbla ma’ dawk li nstabu fuq ix-xena tad-delitt.
Għan-nom tal-imputat Kevin Micallef deher l-avukat Francois Dalli. Il-kumpilazzjoni tal-evidenza se tkompli nhar is-26 ta’ Settembru.
//= $special ?>