Internazzjonali

Is-serq tal-ajruplan f’Seattle aktarx kien ġest suwiċida

Kollox qed jindika li r-raġel li seraq l-ajruplan tal-Horizon Air, li hi parti mill-Alaska Airlines mill-ajruport ta’ Seattle, għamel dan bħala ġest suwiċida jew tal-anqas fi sforz ta’ disprament minħabba l-problemi li kellu f’ħajtu.

Dan jirriżulta mill-komunikazzjoni li r-raġel, Richard Russell ta’ 29 sena, kellu mat-torri ta’ kontroll.
Hu werwer lil ħafna hekk kif is-Sibt dam 90 minuta jsuq ajruplan żgħir tal-passiġġieri vojt madwar Seattle u jagħmel manuvri bih hekk kif ajruplani militari Amerikani żammew għassa mill-qrib tiegħu.
Hu mbagħad iġġarraf bl-ajruplan f’ Ketron Island, f’Puget Sound.

Uffiċjal tal-FBI qal li safejn hu magħruf hu kien l-unika persuna abbord l-ajruplan meta ġġarraf imma kienet qed isir tfittxija fost it-tifrik biex dan ikun konfermat. Uffiċjali insistew li ma kien hemm xejn li jindika li dan l-inċident kellu x’jaqsam mat-terroriżmu.

L-Air Horizon qalet li Russell kellu l-aċċess biex ikun qrib u ġewwa l-ajruplani tal-kumpanija imma hu ma kienx bdot. Hu kien responsabbli mit-towing tal-ajruplan u l-bagalji tal-passiġġieri.