Mara li kitbet fuq Facebook irrakkuntat xena xokkanti waqt li kienu qegħdin jieklu f’ristorant f’Għajn Tuffieħa – meta raġel anzjan beda jsawwat qattus sakemm spiċċa biex qatlu.
Fil-post fuq Facebook, il-mara allegat li waqt li kienu qegħdin jieklu ġie qattus ta’ madwar tliet xhur ħdejhom mingħajr ma kien qiegħed itellifhom. Jidher li f’mument minnhom anzjana għamlet sinjal lil raġel anzjan ieħor dwar dan il-qattus, u dan l-istess anzjan prova jkeċċi lill-qattus. L-anzjan resaq viċin u beda jkeċċi lil dan il-qattus. Jidher li baqa’ jiġri warajh sakemm spiċċaw fis-sular ta’ taħt ir-ristorant fejn beda jsawwat u jagħti lil dan il-qattus għal ħafna drabi – tant li baqa’ jagħtih sakemm qatlu.
F’dak il-mument żewġ imwejjed bit-turisti bdew iwerżqu u jgħajtu ma’ dan l-anzjan li qatel il-qattus, li kif iddeskrivit din il-mara, jidher li l-anzjan lanqas biss ta każ. Minn naħa l-oħra, dawn l-istess persuni li urtaw ruħhom minn dak li raw bdew jirrakkuntaw x’ġara lill-waiter, u kellmu anke wara lill-manger tar-ristorant.
Madanakollu, skont dak allegat, jidher li l-manager tar-ristorant qalet li l-anzjana li għamlet is-sinjal lill-anzjan biex imur wara l-qattus hi ommha – u li dak li qatel lill-qattus hu raġel bi problemi mentali. Fl-istess waqt, l-istess persuna li rrakkuntat dan l-episodju fuq Facebook qalet li rat lill-omm il-manager tar-ristorant, flimkien mar-raġel li qatel lill-qattus, jitilqu b’karozza minn naħa ta’ wara tar-ristorant. Aktar tard il-manager tar-ristorant għattiet il-qattus mejjet b’xugaman.
Aġġornata bir-risposta tal-istabbiliment:
Aktar tard fuq Facebook, l-istabbiliment f’Għajn Tuffieħa kiteb ir-risposta tiegħu fejn stqarr li jinsab iddiżgustat b’dak li seħħ mad-dawra tar-ristorant.
Fl-istqarrija, sar magħruf li t-tifla ta’ wieħed mis-sidien kienet qegħda preżenti meta seħħ l-qtil tal-qattus, u kienet hi stess li għattiet lill-qattus b’xugaman meta ġie assigurat li l-qattus kien miet.
L-istqarrija tgħid li l-mara ta’ wieħed mis-sidien semgħat mejda bil-klijenti jgergru minħabba l-qattus u din marret tgerrex lill-qattus minn ħdejhom, meta rat raġel ieħor iwaddab il-ġebel lejn il-qattus. Żiedu li l-anzjana li tiġi l-mara tas-sid kienet ixxukjata b’dak li rat, u ngħatat il-parir biex tmur tistrieħ u għalhekk telqet mis-sit. Qalu li l-episodju tant seħħ malajr li ma kienx hemm ħin biex jaraw min seta qatel lill-qattus.
Is-sidien u l-management tal-istabbiliment qalu li r-ristorant hu wieħed li jaċċetta l-annimali, u hu meqjus bħala pet-friendly kif jixhdu d-diversi klijenti li jingħataw l-ilma għall-annimali. Qalu li ta’ kuljum, l-ewwel ħaġa filgħodu, l-mara tas-sid tal-istabbiliment tmur titma l-qtates li jgħixu mad-dawra tar-ristorant – u li sfortunatament dan l-episodju qed ixekkel il-ħidma tajba li ssir mill-istabbiliement mal-annimali.
L-istqarrija ttemm tgħid li huma jittammaw li l-Pulizija jsibu min kien li qatel il-qattus sabiex issir ġustizzja.
Bħalissa għaddejja investigazzjoni dwar dan il-każ mill-Pulizija u d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali.
//= $special ?>