Futbol Sport

Kieku Conte baqa’ manager ta’ Chelsea kont nitlaq – Willian

(Ritratt: Getty Images)

Willian insista li ma kienx hemm ċans li jibqa’ plejer ta’ Chelsea kieku Antonio Conte baqa’ fit-tmexxija tat-tim. Rapporti fil-media internazzjonali qalu li Barcelona u Manchester United kienu interessati fil-plejer ta’ 29 sena dan is-sajf wara li ħarġet l-aħbar ta’ argument bejn Willian u Conte.

Barcelona jidher li kellhom tliet offerti rrifjutati minn Chelsea. Willian skorja 44 gowl f’238 logħba ma’ Chelsea minn meta ngħaqad magħhom mingħand Anzhi Makhachkala fl-2013.

Willian eventwalment għażel li jibqa’ mal-Blues wara li Conte kien mibdul mill-kompatrijott Maurizio Sarri f’Lulju. Meta mistoqsi jekk kienx jibqa’ ma’ Chelsea b’Conte fit-tmexxija, hu wieġeb fin-negattiv. “Qiegħed hawn għaliex irrid nilgħab ma’ Chelsea. Nitlaq biss jekk Chelsea jriduni li nitlaq.”

Chelsea bdew il-Premier League s-Sibt b’rebħa komda ta’ 3-0 fuq Huddersfield. Il-Blues jilagħbu kontra r-rivali ta’ Londra Arsenal fi Stamford Bridge, u Willian hu kunfidenti li jtemm sensiela ta’ sitt logħbiet mingħajr rebħa kontra l-Gunners.

“Naħseb li għandna ċans tajjeb li ndawru r-riżultat għaliex issa għandna mod differenti kif nilagħbu l-futbol. Il-manager jgħidilna kif nilagħbu, li nieħdu pjaċir fil-pitch b’responsabbiltà. Issa għandna stil differenti, għalhekk nistgħu noħolqu l-problemi lil Arsenal,” kompla Willian.