Kważi tliet ġimgħat ilu, Malta lagħbet l-aħħar logħba tagħha fil-Kampjonat Ewropew li sar f’Barcelona. Telfa bl-għoti tal-penalties li fissret li Malta temmet fis-16-il post f’din il-fażi finali, jiġifieri l-aħħar post minn dawk li waslu mal-aqwa 16 fl-Ewropa.
Għat-tim Malti din kienet it-tieni parteċipazzjoni konsekuttiva f’din il-fażi finali u wara li f’Belgrad fl-2016 Malta spiċċat fil-15-il post b’rebħa bil-penalties ukoll kontra t-Turkija, din id-darba kienet storja ftit differenti.
Id-diżappunt wara din it-telfa kien jeżisti fil-kamp Malti tal-Waterpolo, speċjalment fil-kowċ nazzjonali Karl Izzo li dejjem emmen li t-tim Malti seta’ jikseb pożizzjoni finali aħjar minn Belgrad. Fl-aħħar jiem, iltqajt ma’ Karl Izzo fejn iddiskutejt miegħu x’ġara fil-Kampjonat Ewropew, iżda aktar minn hekk, x’inhu l-futur tal-Waterpolo f’pajjiżna.
Id-differenza bejn Belgrad u Barcelona
Bla dubju li wara żewġ parteċipazzjonijiet mal-aqwa 16-il pajjiż fl-Ewropa, ikun hemm paragun dwar iż-żewġ prestazzjonijiet tat-timijiet. Izzo qal li kien hemm differenza fil-preparazzjoni għaliex din id-darba ma kinitx kif xtaq hu.
Hu qal li kien hemm fatturi li ma antiċipax fosthom il-fatt li bħalissa ninsabu f’nofs kampjonat u l-plejers ikollhom moħħhom fil-kumplament tal-istaġun. Izzo semma li wara li weġġa’ Dino Zammit, il-klabbs bdew jinkwetaw ukoll li jistgħu jitilfu xi plejers.
“Kont ċert li t-tim kien kemm kemm b’saħħtu minn ta’ qabel u kellna diġà esperjenza ta’ Kampjonat Ewropew. Ma tantx kien hemm plejers ġodda.” Karl Izzo żied li d-distakk bejn it-tim Malti u pajjiżi oħrajn naqas, anki jekk wieħed iqis ir-riżultati miksuba kontra s-Slovakkja u Franza mill-edizzjoni ta’ qabel.
“Li qegħdin hemm diġà hu tragward għax li tkun mal-aqwa 16 tal-Ewropa, imma kieku ħadna l-okkażjonijiet li kellna fl-attakk l-aktar, kieku tistudja sew il-logħba tas-Slovakkja, jien kont ċert li kien hemm post li nitilgħu ras imb ras magħhom.”
X’inhu l-futur ta’ Aurelien Cousin mat-tim nazzjonali?
Minkejja li t-tim nazzjonali Malti preżenti f’Barcelona kien pjuttost żagħżugħ, l-ixjaħ plejer fit-tim kien il-Franċiż naturalizzat Malti Aurelien Cousin li għandu 38 sena. Fl-aħħar edizzjoni f’Belgrad, Niki Lanzon kien ħabbar li rtira mit-tim nazzjonali.
Staqsejt lil Karl Izzo dwar jekk tkellimx ma’ Cousin. “Għadni ma tkellimtx. Naħseb jekk nirranġaw xi affarijiet ukoll peress li hu bniedem li jaħdem u tal-familja, naħseb li jista’ jagħti sentejn oħra sal-Kampjonat Ewropew li se jsir f’Jannar 2020.”
Izzo ddeskriva lil Cousin bħala bniedem dedikat, tifel sew u li jħobb jilgħab għan-nazzjonal. “Hu plejer li jgħini għax qisu għandi kowċ fl-ilma. Ħa jgħaddi dan il-kampjonat u nitkellmu sew is-sitwazzjoni.”
X’jaħseb Karl Izzo fuq il-plejers barranin li jistgħu jilagħbu għat-tim nazzjonali?
Fl-aħħar xhur qamet id-diskussjoni dwar il-plejers barranin li jistgħu jilagħbu mat-tim nazzjonali. Fil-waterpolo mhux l-istess bħal ma jiġri fil-futbol, plejers li jkunu lagħbu ma’ nazzjon, jistgħu jilagħbu ma’ pajjiż differenti, jekk jingħatalhom passaport. Karl Izzo x’jaħseb?
“Jien irridha għax jien naf li meta mmorru nilagħbu ma’ timijiet barranin għandhom l-istess, so if you can’t beat them join them.” Hu semma kif fil-Kampjonat Ewropew, kien hemm diversi pajjiżi li kellhom plejers barranin magħhom.
Izzo qal li għandha ssir distinzjoni għaliex hu jaqbel ma’ dawn il-plejers jekk ikunu aħjar mill-Maltin, iridu jkunu f’pożizzjonijiet li jkun jixtieq hu bħala kowċ, u xi ħaġa li għaddiet mill-kunsill flimkien mal-klabbs hi li jekk jiġu dawn it-tip ta’ plejers xorta jkunu meqjusa bħala barranin.
Il-kowċ nazzjonali semma li mhix xi ħaġa faċli għaliex hemm ir-restrizzjonijiet biex din il-ħaġa sseħħ. Fosthom hi li jrid ikun jilgħab fil-kampjonat Malti, ikollu residenza Maltija u jgħix fil-pajjiż għal ċertu żmien, imbagħad ssir l-applikazzjoni għall-passaport tal-isport.
Hu wera x-xewqa mal-President tal-ASA Joe Caruana Curran li jkollu żewġ plejers li jistgħu jgħinu u saħaq li għadha fl-istadji bikrija iżda qegħda fil-pjanijiet. “Għandi f’moħħi xi plejers, preferibbilment li ma jkunux lagħbu Malta ta’ età bejn is-26 u t-28 sena li jista’ jtina karriera tajba.”
Mill-istaġun li ġej, il-kampjonat lokali se jerġa’ jkollu żewġ plejers barranin f’kull tim. Karl Izzo hu favur din id-deċiżjoni għaliex jemmen li l-livell Malti jogħla minħabba li l-plejers Maltin ikunu qed jilagħbu ma’ żewġ barranin ta’ livell, u saħaq li jkun ta’ benefiċċju speċjalment fiżikament.
Kritika li ssir hi li din id-deċiżjoni se tkun ta’ detriment għaż-żgħażagħ Maltin, iżda Izzo jaħsibha differenti. “Ma naqbilx li jieħu post iż-żgħażagħ, għaliex jekk tkun żagħżugħ promettenti ma’ klabb tal-Premier tilgħab xorta u tkun tista’ tiġġieled għal postok aħjar.”
Il-plejers li jilagħbu barra minn Malta
Aspett ieħor li hu importanti biex il-plejers Maltin jitjiebu hu li jmorru jilagħbu barra minn Malta. Izzo qal li hemm ħafna plejers li qed imorru iżda saħaq li mhux qed ikun hemm konsistenza biex dawn jibqgħu hemm, fejn semma l-eżempju ta’ Stevie Camilleri li dejjem kellu klabbs interessati fih.
Fost il-plejers li marru għal esperjenza barra minn Malta hemm Dino Zammit, Andreas Galea, Ben Plumpton, Jeremy Abela, Matthew Castillo, Jamie Gambin, Isaiah Riolo filwaqt li żvela li hemm interess minn Roma Nuoto f’Jordan Camilleri.
Hu qal li jrid il-plejers Maltin imorru barra f’kampjonati importanti fl-ewwel diviżjoni li jitħarrġu u jilagħbu f’livell għoli u mhux kemm imorru barra. Hu semma l-kampjonati Montenegrini, Taljani u Spanjoli.
L-irwol tal-eks plejers
Settur li Karl Izzo żgur mhux kuntent fuqu hu l-irwol tal-eks plejers. “Jiena jiddispjaċini li ma narax eks plejers li jieħdu l-kowċing, ir-refereeing u anki l-management bis-serjetà.” Hu qal li ħafna mill-kumitati huma mmexxija minn ġenituri u saħaq li mhux kulħadd lest li jiddedika l-ħin għall-isport filwaqt li wissa li jekk mhux se jkun hemm għajnuna, il-komunità tal-waterpolo se tkompli tiċkien.
Il-format tal-kampjonat
Karl Izzo tkellem dwar il-format tal-kampjonat fejn saħaq li hu favur il-play-offs għaliex ikun hemm stennija lejn it-tmiem tal-kampjonat u logħbiet intensi.
Izzo qal li mill-istaġun se jkun hemm ir-rawnd preliminari fejn imbagħad it-timijiet jinqasmu fiż-żewġ diviżjonijiet. Hu qal li d-distakk bejn Valletta, Birżebbuġa u Marsaxlokk qed jingħalaq u jixtieq li jkun hemm kampjonat wieħed b’żewġ rawnds.
Il-problemi li għandu l-waterpolo quddiemu
Karl Izzo tenna li l-problema tibqa’ waħda dik li ma għandhomx faċilitajiet. “Għandna bżonn aktar minn pixxina waħda għaliex tant kiber l-isport wara r-riżultati li ksibna li d-domanda kibret.” Il-kowċ nazzjonali qal li dwar il-pixxina indoor li huma mwiegħda, hu infurmat li jidher li ħarġu xi tenders biex jibda x-xogħol fuqu.
Viżibbilment frustrat, Izzo qal li jridu jiġu f’sitwazzjoni li jitħarrġu xxamplati għaliex bħalissa qed ikollhom taħriġ ta’ siegħa u kwart filwaqt li nazzjonijiet oħra tagħhom jitħarrġu għal sitt sigħat. Hu semma tournaments li t-tim nazzjonali jista’ jilgħab fis-sajf, imma minħabba dan jista’ jagħti l-każ li l-kampjonat ikollu jsirlu xi ċaqliq biex dan iseħħ.
Tista’ ssir skema professjonali?
Nistqarr li l-waterpolo laħaq livelli għolja fl-aħħar snin iżda issa hemm bżonn il-pass li jmiss. Staqsejt lil Karl Izzo jekk jistax f’pajjiżna jkun hawn skema professjonali. Izzo qal; “Tista’ mela ma tistax, imma jrid ikollok l-għajnuna finanzjarja li l-ASA ma tistax tagħmilha.”
Hu kompla li biex dan iseħħ irid ikollhom post fejn jitħarrġu għalihom biss, post fejn il-plejers ikunu jistgħu jistudjaw u jieklu flimkien, post fejn ikunu jistgħu jistrieħu bejn sessjoni u oħra. “Hu investiment imma jkollok biss il-plejers elite, imbagħad filgħaxija jitħarrġu mat-timijiet tagħhom.”
Izzo kompla li biex jasal għal dawn il-livelli speċjalment fit-taħriġ fis-saqajn u fil-gym hemm bżonn madwar sitt sigħat u nofs u seba’ sigħat. Jekk wieħed ikejjel l-ammont ta’ sigħat ta’ taħriġ, Izzo qal li “diġà hu miraklu li qegħdin fejn qegħdin.”
Mistoqsi jekk il-miraklu jistax jispiċċa, Izzo qal li hu jagħmel ħafna pressjoni biex jimxu pass iżda wera t-tħassib tiegħu jekk il-pressjoni tiegħu taqa’ fuq widnejn torox. “Jien noħlom u naħseb fuq affarijiet għax naf kif għandhom isiru.”
L-użu tal-pixxini u l-ħidma tal-ASA
Izzo saħaq dwar l-importanza ta’ pixxina oħra anki meta ddiskutejt miegħu dwar il-ħidma tal-ASA. Hu saqsa kemm tiflaħ il-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq? minħabba li tintuża żżejjed.
Hu qal li hu tajjeb li saret il-pixxina ta’ Birżebbuġa iżda din mhux imsaħħna filwaqt li ta’ Neptunes reġgħet bdiet tissaħħan, iżda qal li mhux biżżejjed. “L-ammonti li qed jiġu hu tajjeb imma jrid ikollok xi ħaġa biex tilqa’ għal din iż-żieda.”
Dwar l-ASA hu faħħar il-ħidma tal-President Joe Caruana Curran fejn qal li minn meta laħaq fil-kariga “għamilna mirakli ‘l quddiem. Għandu kuntatti qawwija u rispettat meta mmorru barra minn Malta.
Hu qal li l-ASA għandha bżonn l-għajnuna għaliex ħafna drabi jaqilgħu kollox huma meta fil-verità huma nies volontarji. Hu ħareġ b’suġġeriment biex ikun hemm xi ħadd li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni u jkun imħallas mill-gvern filwaqt li qal li jista’ jkollhom post aħjar.
Fejn għadu lura l-waterpolo?
Izzo qal li l-progress ma jistenniex u semma diversi fatturi li l-waterpolo lokali għadu lura. Fost dawn hemm in-nuqqas ta’ kowċis, referees, preparazzjoni fiżika, psikoloġista, nutrionist.
Il-frustrazzjoni fuq wiċċ Karl Izzo hi viżibbli għaliex qal li hemm ħafna ħsibijiet imma hemm ħafna saffi u “sakemm għandna din il-logħba ta’ stennija, se nitilfu l-pożizzjoni tajba. Hi sitwazzjoni diffiċli ħafna ħafna. Aħna fil-limitazzjonijiet li għandna rridu nippruvaw nieħdu milli nistgħu. Irid ikollok l-għajnuna finanzjarja, saħħa umana jiġifieri li l-ASA ma tistax taħdem waħedha, kif titħarreġ u jrid ikollok il-gym tiegħek mhux tħallas. Hemm ħafna affarijiet li nixtieq nagħmel, imma tieqaf hemm.”
“Jien hemm ħafna proġetti biex nitjiebu imma trid l-għajnuna u ħafna affarijiet.” Hu saħaq li mar isegwi xi jsir f’pajjiżi oħrajn u qal li “l-limitazzjoni tagħna hi l-akbar għadu tagħna. Nixtieq nara l-waterpolo tagħna mal-aqwa 12 fl-Ewropa u b’daqsxejn aktar ħidma konvint li nistgħu naslu.
Izzo żied li għandu sens ta’ rabja għaliex Malta għandha l-kwalità u pajjiżna jjista’ jasal iżda sostna li dejjem jeħel xi ħaġa għaliex “kieku jiddependi minni kieku nġennen kull ma hawn.”
“Il-waterpolo qed jikber iżda mhux qed jikber biżżejjed. Irid ikollna l-faċilitajiet, dejjem ngħid skema semi-professjonali jew professjonali, għajnuna finanzjarja biex inkunu nistgħu Nitħarrġu u nilagħbu tal-anqas darba kull xahrejn kontra min hu aħjar minnha. Xi kultant trid tkun negattiv biex tipprova ssib il-pożittività.”
Hu qal li ilu jinsisti li jkun hawn Ministeru tal-Isport għaliex kull assoċjazzjoni qed tistenna qed tistenna u saħaq li stajna ndumu nitkellmu fuq x’jista’ jsir iżda qal li jekk min għandu s-saħħa li jiddeċiedi u jimplimenta mhux se jagħmel xi ħaġa, mhux se jsir xejn.
//= $special ?>