Il-Membru Parlamentari Ewropew Ingliż John Flack, tal-Partit Konservattiv, wissa lil pajjiżu biex waqt il-proċess ta’ Brexit ma jagħmilx bħal Malta u Ċipru u jadotta l-iskema ‘skandaluża’ tal-bejgħ tal-passaporti.
F’artiklu fis-sit elettroniku tad-Daily Express, jingħad li John Flack appella lil pajjiżu biex ikun b’seba’ għajnejn minħabba dak li ddeskriva bħala ‘skandlu’ tal-bejgħ tal-passaporti li qed jabbuża mill-politika tal-libertà tal-moviment tal-Unjoni Ewropea.
John Flack akkuża l-Kummissjoni Ewropea li qed tagħlaq għajnejha għal dawk il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li qed ibigħu l-passaporti liċ-ċittadini minn pajjiżi li mhumiex membri.
Skont rapport fil-ġurnal Ingliż The Daily Express, intqal li l-Kummissjoni Ewropea ma ddumx ma tibda tieħu passi kontra dawk il-pajjiżi li qed ibigħu ċ-ċittadinanza tagħhom u effettivament jiftħu l-bieb għall-bqija tal-UE għal min ikun jiflaħ iħallas.
Flack wissa lill-Gvern Ingliż biex ikun partikolarment attent għal dak li qed jiġri rigward il-bejgħ ta’ passaporti, speċjalment tul il-perjodu ta’ tranżizzjoni tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Perjodu li matulu l-politika tal-libertà tal-moviment tal-UE jkun għadu japplika.
F’kummenti lill-Express, Flack qal li din tal-bejgħ tal-passaporti kienet skandlu li tħalla jsir mingħajr xkiel għal wisq żmien. Hu qal li xtaq ikun jaf kemm huma dawk li xtraw passaport Malti jew Ċiprijott li fil-fatt għexu f’dawn il-pajjiżi.
Flack qal ukoll li din tal-bejgħ tal-passaporti tkompli ssaħħaħ l-argument tal-Brexit. Hu fakkar li b’passaport ta’ pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, wieħed jista’ jmur jgħix, jaħdem jew jagħmel negozju fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, fosthom ir-Renju Unit.
Věra Jourová, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, ukoll ammettiet li l-Kummissjoni Ewropea kienet imħassba dwar in-numru dejjem jikber ta’ passaporti li qed jinbiegħu. Intqal li l-Kummissjoni se tkun qed tagħfas biex kemm jista’ jkun malajr ikunu adottati l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea kotnra l-ħasil ta’ flus bħala parti mill-miżuri li qed jittieħdu biex ikun kontrollat il-bejgħ tal-passaporti.
Jourová qalet ukoll li kien hemm riskji serji għas-sigurtà mill-bejgħ ta’ passaporti peress li min jixtri wieħed jikseb il-benefiċċji kollha ta’ ċittadin tal-UE.
Flack ħeġġeġ ukoll lill-Gvern Ingliż biex jagħmel pressjoni fuq dawk il-pajjiżi li qed ibigħu l-passaporti biex ikun assigurat li dawn ma jmorrux għand kriminali, li bihom tkun perikolata s-sigurtà tal-Ewropa jew il-ħasil ta’ flus.
Eka Rostomashvili, koordinatur ta’ Transparency International, qalet li temmen li l-iskema ta’ bejgħ ta’ passaporti twassal ukoll għal żieda fil-prezz tal-proprjetà u żiedet li xi wħud minn dawn is-sistemi ta’ bejgħ ta’ passaporti kien hemm bżonn li jitwaqqfu għalkollox.
//= $special ?>