Sliema Wanderers għadhom attivi ftit jiem qabel il-bidu tal-kampjonat hekk kif ilbieraħ preżentaw l-aħħar tliet akkwisti tagħhom. Huma preżentaw lill-gowlkiper Jake Galea, l-eks attakkant tal-Primavera ta’ Juventus Younés Bnou Marzouk u r-ritorn tal-attakkant Jean Paul Farrugia.
Jake Galea ġibed l-interess ta’ Sliema wara esperjenzi ma’ St. Andrews u Ħamrun Spartans fil-kampjonat Premier, fejn stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-gowlkipers promettenti f’Malta. L-istaġun li għadda kien flimkien ma’ Steve Sultana l-gowlkipers ta’ Ħamrun, iżda minkejja l-isfida, Galea kien regolari mal-Ispartans.
Jean Paul Farrugia fil-bidu tal-karriera tiegħu lagħab ma’ Hibernians u Marsaxlokk u kellu esperjenza qasira ma’ Spartak Trnava. F’Jannar tal-2016 Farrugia ngħaqad ma’ Sliema Wanderers biex permezz tar-relazzjoni li għandhom ma’ Chiasso, Jean Paul Farrugia beda avventura fl-Iżvizzera sena ilu.
TARXIEN – Il-paġna ta’ Replay fuq facebook żvela li ntlaħaq ftehim bejn Sliema Wanderers u Tarxien Rainbows għat-trasferiment tal-midfielder ta’ 27 sena Miguel Ciantar. L-eks plejer ta’ taħt il-21 sena mistenni jiffirma kuntratt ta’ tliet snin biex b’hekk għalih se jkun ritorn. Fil-karriera tiegħu, Ciantar lagħab ma’ diversi klabbs.
HIBERNIANS – Id-difensur internazzjonali Malti Andrei Agius ġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Hibernians sal-2022. Agius li għandu 32 sena kien ingħaqad ma’ Hibernians fl-2014 wara li għamel diversi snin jilgħab fl-Italja fejn kien ħalla pajjiżna ta’ età żgħira. Fil-bidu tal-karriera Agius kien lagħab ma’ Sliema Wanderers u qabel ingħaqad ma’ Hibernians, Agius lagħab ukoll ma’ Birkirkara. B’hekk afferma ruħu bħala wieħed mill-pedini importanti tal-klabb Pawlist.
ĦAMRUN – Tkompli l-kampanja akkwisti ta’ Ħamrun Spartans li wara li ppreżentaw lil Caetano Calil, preżentaw ukoll lil Massimo Ganci. Dan hu attakkant ta’ 36 sena li fil-passat saħansitra kien lagħab mat-tim nazzjonali Taljan ta’ taħt l-20 sena.
BIRKIRKARA – Is-sit www.tuttomercatoweb.com żvela li Birkirkara jinsabu viċin li jakkwistaw lill-attakkant Żvizzeru ta’ 23 sena Milan Basrak. Waqt Replay Ikompli fuq NET FM, id-Direttur Tekniku ta’ Birkirkara Michael Valenzia kien qal li l-firma ta’ plejer hi suġġet għat-testijiet mediċi.
FLORIANA – Wasal f’pajjiżna l-eks plejer internazzjonali tal-Liberja Patrick Wleh, magħruf ukoll bħala Ronaldinho li mistenni jiffirma ma’ Floriana. Wleh hu attakkant ta’ 26 sena li riċentament lagħab fl-Eġittu. Wleh lagħab 14-il darba mat-tim nazzjonali tal-Liberja u b’hekk sar is-sitt akkwist tal-klabb.
MOSTA – Mosta għażlu li jżidu żewġ Brażiljani biex ikunu fost il-barranin tagħhom. Huma ħabbru l-akkwist ta’ Renan Abner Do Carmo De Oliveira li hu attakkant ta’ 21 sena u Jonny Dias. Huma akkwistaw ukoll lil Kei Hirose li l-istaġun li għadda lagħab ma’ Lija Athletic.
//= $special ?>