Formula 1 Sport

Fernando Alonso jiddeċiedi l-futur tiegħu

(Ritratt: EPA)
L-Ispanjol għamel id-debutt fil-Formula fl-2001

Fernando Alonso ħabbar li se jirtira mill-Formula 1 u se jitlaq lil McLaren fi tmiem l-istaġun.  Minkejja li kien ikkunsidrat bħala wieħed mill-aqwa sewwieqa li qatt ikkompetew fil-Formula 1, is-sewwieq ta’ 37 sena ilu ma jirbaħ tiġrija ħames snin u l-kampjonat 12-il sena.

Id-darbtejn champion tad-dinja se jispiċċa mill-Formula 1 u jeqleb biex jieħu sehem fl-Indy Car Series. Alonso se jkun qed ifittex l-ambizzjoni li jagħmel it-tripletta fil-motorsport hekk kif qata’ qalbu li jerġa’ jikseb titlu ieħor fil-Formula 1 ma’ McLaren jew ma’ xi tim ieħor.

Il-ġimgħa l-oħra, Red Bull ċaħdu li se jiffirmaw lil Alonso biex jieħu post Daniel Ricciardo. Minkejja li McLaren tjiebu dan l-istaġun wara li qelbu l-magni minn Honda għal Renault, Alonso ma kisibx podju minn meta reġa’ ngħaqad mat-tim mingħand Ferrari erba’ snin ilu.

Alonso rebaħ il-Kampjonati tad-Dinja tiegħu fl-2005 u fl-2006 meta kien isuq ma’ Renault. Ftit kienu jaħsbu li mhux se jżid titlu ieħor minn dakinhar. Wara li għamel staġun turbulenti ma’ McLaren fl-2007, Alonso rritorna għal sentejn oħra qabel ma’ ngħaqad mal-Ferrari fejn falla darbtejn bi ftit milli jirbaħ il-kampjonat.

Filwaqt li l-karriera ta’ Alonso kienet karatterizzata minn xi deċiżjonijiet kontroversjali, Alonso mar viċin il-kampjonat diversi drabi. Fl-2007 tilef il-kampjonat b’punt, fl-2008 tilef b’erba’ punti u fl-2013 tilef kontra Sebastian Vettel bi tliet punti.

Id-deċiżjoni li jitlaq lil Ferrari biex jingħaqad ma’ McLaren wasslet biex kienet deċiżjoni żbaljata. Dan għaliex minkejja tamiet kbar McLaren iddiżappuntaw. Minkejja titjib fl-2016, reġgħu sabuha ħażina fis-sena ta’ wara.

Sa dak il-ħin, l-attenzjoni ta’ Alonso bdiet iddur fuq sezzjoni alternattiva tal-motorsport biex jipprova jikseb it-tripletta fil-motorsport li hi magħmula mill-Indy 500, Le Mans u l-Grand Prix ta’ Monaco li rebaħ diċenju ilu. Bil-permess ta’ McLaren, hu falla l-Grand Prix ta’ Monaco tal-istaġun li għadda biex ikkompeta fl-Indy 500 u rebaħ Le Mans fl-ewwel attentat ma’ Toyota tliet xhur ilu.

Id-deċiżjoni li McLaren ikollhom magni Renault, kienet l-aħħar ċans għall-karriera ta’ Alonso fil-Formula 1. Minkejja prestazzjonijiet aħjar fejn kiseb 44 mit-52 punt ta’ McLaren sa issa, ma kienx biżżejjed biex jiddeċiedi li jibqa’ fil-Formula 1.