Il-membri tal-kunsill lokali ta’ Ħ’Attard il-bieraħ approvaw mozzjoni li topponi l-proġett Central Link kif propost mill-gvern ċentrali.
Fi sqarrija li ħareġ dalgħodu l-kunsill irrikonoxxa li hemm problema tat-traffiku f’ Ħ’Attard u qabel li għandhom jittieħdu azzjonijiet dwar it-traffiku, iżda kompla jgħid li dawn l-azzjonijiet għandhom ikunu konformi mal-policies li kien fassal il-Gvern stess, policies li l-Kunsill jaqbel magħhom. Il-kunsill kien qed jirreferi għat-Transport Master Plan 2025 ta’ Settembru 2016 u l-iStrategic Plan for Environment and Development (SPED) ta’ Lulju 2015.
Il-Kunsill qal li l-proġett ta’ bini u twessiegħ ta’ toroq magħruf bħala Central Link Project imur kontra l-politika iddikjarata tal-Gvern stess u għalhekk talab li qabel jikkunsidra miżuri li x’aktarx jiġbdu aktar traffiku lejn Ħ’Attard iwettaq policies li ġew imfassla fil-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-iŻvilupp.
Il-kunsill elenka numru ta’ problemi li mistenni joħloq dan il-proġett jekk jiġi mplimentat kif maħsub mill-gvern, fosthom li parti kbira minn Ħ’Attard se tinqabad bejn żewġ toroq prinċipali, ammont kbir ta’ art, inkluża art agrikola u saqwija, se tispiċċa tinqered flimkien ma’ ħafna siġar.
Il-kunsill qal ukoll li kif juru diversi studji toroq ġodda jiġbdu aktar traffiku minflok li jnaqqsuh.
Il-Kunsill innota wkoll li ġustament il-Gvern iddikjara li se jinqata’ l-użu tal-petrol u d-diesel fil-vetturi privati u għalhekk dan irendi l-istudji dwar is-suppost tnaqqis fit-tniġġis irrelevanti. Innota wkoll illi l-Gvern stess, saħansitra l-Prim Ministru ħabbar li qed jippjana modi ġodda ta’ trasport tal-massa bħal metro, li tnaqqas l-użu tal-karozzi jekk implimentata tajjeb.
L-istqarrija tal-kunsill temmet billi talbet lill-Gvern sabiex iwettaq il-politika tiegħu stess biex ikun hemm ‘modal shift’ fit-trasport li verament inaqqas it-traffiku u jżid l-użu tat-trasport pubbliku u mezzi alternattivi tat-trasport.
Intant stqarrija oħra maħruġa dalgħodu kienet dik mill-Attard Residents Environmental Network (AREN) li laqgħet b’sodisfazzjon il-pożizzjoni li ħa l-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard rigward is-‘Central Link Project’ u sabiex jittieħdu miżuri urġenti biex jiġi kkontrollat t-traffiku f’Ħ’Attard, kif ukoll biex jiġu mplementati l-policies li jinsabu fl-istess pjan tal-Gvern dwar it-trasport.
Fl-istqarrija l-AREN irringrazzjat lill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard tal-isforzi li qed isiru sabiex tinstab soluzzjoni għal din il-problema li qed tinkwieta lir-residenti, bdiewi kif ukoll sidien ta’ stabbilimenti kummerċjali.
Din l-istqarrija ħarġet wara li l-ministru Ian Borg il-bieraħ kellu laqgħa mar-residenti ta’ Ħ’Attard sabiex jiddiskuti dan il-proġett li mistenni jħalli mpatt qawwi fuq ir-residenti tal-lokal.
Fl-istqarrija tagħhom l-AREN irringrazzjant ukoll lill-Partit Nazzjonalista, Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku għas-sapport tagħhom f’din il-kwestjoni.
L-istqarrija temmet billi ħeġġet lill-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard u lill-Gvern sabiex jissuktaw bid-diskussjonijiet sabiex jinstabu alternattivi li jnaqqsu mill-impatt ambjentali li hu mistenni minn dan il-proġett.
Intant, oġġezzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-proġett għad jistgħu jiġu sottomessi għand l-Awtorita’ tal-Ippjanar sal-10 ta’ Settembru.
//= $special ?>