Il-vapur tal-art ġie ntrodott f’Malta fl-28 ta’ Frar 1883 u propju 135 sena wara, vagun oriġinali ta’ dak iż-żmien ġie rrestawrat biex reġa’ ngħata l-glorja li jistħoqqlu.
Matul l-għodwa tat-Tlieta, dan il-vagun kien qed jiġi nstallat quddiem l-Istazzjon Birchircara preċiżament fuq l-istess linja tal-ferrovija fi Ġnien l-Istazzjon, Birkirkara.
L-istazzjonijiet tal-ferrovija kienu rrinovati għall-ġonna pubbliċi mill-Malta Railway meta l-ferrovija twaqqfet għal kollox fil-31 ta’ Marzu 1931.
Paul Galea, fundatur tal-Fondazzjoni Maltija tal-Linja tal-Ferrovija, elabora aktar dwar dan il-proġett estensiv:
“Flimkien mal-Kunsill, irnexxielna naslu għar-restawr ta’ dan l-unika vagun li fadal tal-ferrovija ta’ Malta. Mhux biss għaliex qed iwitti t-triq biex naraw il-mużew tal-ferrovija li se jsir hawnhekk ġewwa Birkirkara. Dan il-post huwa partikolari għaliex kien l-istazzjon ċentrali fejn kienu jiltaqgħu ż-żewġ ferroviji, dik ġejja li ġejja mill-Belt u dik li ġejja mir-Rabat.”
B’kollox kien hawn 32 vagun u 10 magni jaħdmu bil-fwar.
Galea saħaq li x-xogħol ta’ restawr, li sar mill-Fondazzjoni flimkien mal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, sar mill-qalb u b’passjoni għalll-ferroviji.
John Mizzi, Kunsillier Nazzjonalista f’Birkirkara, temm jitkellem magħna fuq l-importanza tal-proġett għad-dilettanti tal-ferrovija u l-Karkariżi:
“Din kienet waħda mix-xewqat tal-Malta Railway Association li rrealizzajna bħala Kunsill peress li nzertajt kont naf lil Paul. Bħala Kunsill stinkajna u kkolaborajna mal-Fondazzjoni u hekk insiġna interess qawwi. Dik li xi darba kienet ħolma, issa saret realtà.”
//= $special ?>